Raġel ta’ 21 sena minn Marsaskala ingħata sentenza ta’ sentejn priġunerija talli saq taħt l-influwenza tad-droga, kif ukoll kiser il-kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.
Stoyan Gafa’ ammetta għall-akkużi relatati ma’ kollizjoni b’erba’ karozzi involuti li seħħet ftit wara nofsillejl nhar l-11 ta’ Frar.
Gafa’, li kien qed isuq karozza ta’ għamla Mercedes, kien involut f’ħabta ma’ tliet karozzi oħra, inklużi karozza tat-Transport Malta, Peugeout, Ford u BMW.
Il-vettura tat-Transport Malta kienet tal-uffiċjala li kienu qed iwettqu ċertu preparazzjonijiet għal xi xogħlijiet li kellhom isiru. Il-vetturi l-oħra kienu tal-ħaddiema li kellhom iwettqu x-xogħlijiet.
Gafa’ kien mixli wkoll li kkawża ġrieħi ta’ natura ħafifa fuq uffiċjal wieħed, iżda uffiċjal ieħor soffra ġrieħi ta’ natura gravi.
Gafa diġà xellef idejh mal-liġi fuq aċċident ieħor li seħħ lejliet il-Milied, fejn hu allegatament kien involument f’aċċident fatali f’San Ġiljan fejn mietet mara Kolombjana ta’ 31 sena, Angie Marlen Mesa Gonzalez.
F’dak il-każ, hu kien qed isuq il-karozza ta’ missieru mingħar assigurazzjoni taħt l-influwenza tal-cannabis. Il-prosekuzzjoni nnutat ukoll li kien involut f’inċident nhar l-20 ta’ Diċembru, u inċident ieħor ġewwa Marsaskala fejn persuna weġġgħet gravi. Iż-żewġ inċidenti kien qed isuq mingħajr assigurazzjoni.
Maġistrat Monica Vella tat is-sentenza.
Spetturi Clive Abela u Nathan Bugeja mexxew il-prosekuzzjoni, filwaqt li Gafa’ ġie rrappreżentat mill-avukata ta’ għajnuna legali Nadya Fiott.