Żewġ żgħażagħ taħt probation wara li attakkaw u serqu raġel il-Furjana.
Żewġ żgħażagħ ingħataw sentenzi sospiżi wara li attakkaw raġel u serqulu l-basket f’Diċembru li għadda l-Furjana
More in Qrati u Pulizija
Żewġ żgħażagħ ingħataw sentenzi sospiżi wara li attakkaw raġel u serqulu l-basket f’Diċembru li għadda l-Furjana
Il-vittma rrapporta li fis-16 ta’ Diċembru 2023 filgħaxija, meta wasal il-Furjana bix-xarabank avviċinawh Mutez Ferjani, ta’ 19-il sena, u Salah Sabar, ta’ 20 sena.
Salah talbu sigarett filwaqt li Ferjani ipprova jisraqlu l-basket.
Intqal li l-vittma pprova jinnegozja magħhom u saħansitra offrielhom il-flus biex iħalluh waħdu, iżda dawn injorawh u attakkawh.
L-akkużati rnexxielhom jaħarbu mill-post bil-basket tal-vittma, li qatgħuha minn ma’ driegħu b’sikkina żgħira.. Matul il-ġlieda, il-vittma sofra xi daqqiet ta’ sikkina f’saqajh bl-istess sikkina li ntużat biex taqta’ ċ-ċinga tal-basket.
Fil-borża kien hemm il-card ta’ Revolut tal-vittma, li saru attentati biex tintuża f’diversi postijiet, fosthom f’kjosk fil-Ħamrun.
Diversi minn dawn it-tranżazzjonijiet fallew minħabba li l-vittma rnexxielu jiffriża l-karta fil-ħin. Mill-filmati tas-CCTV barra l-kjosk fil-ħin li saret it-tranżazzjoni, il-pulizija identifikat lill-akkużati.
Ferjani ġie arrestat fil-jiem ta’ wara fid-dar tiegħu, fejn il-pulizija sabet il-card ta’ Tallinja tal-vittma. Salah ġie arrestat l-għada, u nstab fil-pussess ta’ mowbajl. Ġie nnutat li dan il-mowbajl kien relatat ma’ rapport ieħor ta’ serq li kien sar.
Fix-xhieda tiegħu, Ferjani qal li ħabib tiegħu u ta’ Salah kien qed iħeġġiġhom jitilqu mill-pajjiż.
Huma kellhom bżonn il-flus u, peress li ma kinux qed jaħdmu dak iż-żmien, iddeċidew li jakkwistaw il-flus permezz tas-serq.
Ferjani kompla jgħid li kien il-vittma li avviċinah l-ewwel u talbu favuri sesswali.
Huwa ċaħad li ra lil Salah iġorr jew juża sikkina.
Ferjani kkonferma li kien Salah li jidher fil-filmati tas-CCTV u qal li kienu nefqu l-flus misruqa kollha fuq alkoħol u sigaretti.
Huwa ammetta wkoll li flimkien mal-akkużat l-ieħor kienu wettqu żewġ serqiet oħra fejn serqu mowbajls.
Meta xehed Salah, huwa ċaħad li ħa sehem fiż-żewġ serqiet l-oħra u ammetta biss għas-serqa li seħħet fis-16 ta’ Diċembru. Huwa wkoll ċaħad li kien iġorr sikkina.
Meta mistoqsi dwar il-mowbajl li nstab fil-kamra tiegħu, qal lill-awtoritajiet li kien sabu fuq tal-linja.
Fix-xhieda tiegħu, il-vittma sostna li wieħed mill-akkużati pprova jagħtih daqqa ta’ sikkina f’sidru b’sikkina żgħira, filwaqt li l-ieħor ipprova jeħodlu l-basket. Qal li fil-basket kellu madwar €350 fi flus kontanti u madwar €1500 fil-kartiera tiegħu.
Salah sostna li kien hemm biss €100 fi flus kontanti.
Il-vittma ċaħad ukoll li qatt talab lill-akkużati favuri sesswali.
Minkejja li x-xhieda ma kinitx taqbel bejniethom, il-qorti straħet fuq il-fatt li hekk kif intemmet il-ġlieda, il-vittma kellu bżonn attenzjoni medika għall-feriti li sofra, u anke kellu bżonn żewġ punti f’saqajh.
Għaldaqstant, il-qorti kkonkludiet li ma setax ikun hemm spjegazzjoni oħra għall-feriti li sofra l-vittma.
Il-qorti sabet liż-żewġt irġiel ħatja u ordnat li jitqiegħdu taħt probation għal tliet snin.
Barra minn hekk, Sabar ingħata sentenza ta’ erba’ snin ħabs sospiża għal sentejn wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi u li żamm lill-vittma kontra r-rieda tiegħu.
Ferjani kien rappreżentat mill-avukati Arthur Azzopardi u Jacob Magri, filwaqt li Sabar kien assistit mill-avukat Nicholas Mifsud. Il-Maġistrat Leonard Caruana ppresieda s-seduta.