Miċħuda t-talba kostituzzjonali ta’ Florinda Sultana dwar l-iffriżar tal-assi

Il-Qorti ddeċidiet li l-iffriżar tal-assi kien proporzjonat u fl-interess tas-soċjetà, minkejja l-argumenti dwar “limbo” legali u telf finanzjarju sostanzjali

F’sentenza mogħtija nhar t-Tlieta, il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li l-Ordni ta’ Qbid u Ffriżar imposta fuq Florinda Sultana u l-kumpaniji tagħha ma rriżultax fi ksur tad-dritt għall-proprjetà.

Il-Qorti saħqet li miżuri konservattivi fuq assi suspettati li huma frott ta’ kriminalità huma ġustifikati fl-interess pubbliku.

Il-fatti tal-każ
Sultana u l-kumpaniji tagħha sostnew li l-iffriżar tal-assi kollha tagħhom kien sproporzjonat. Sultana qalet li l-miżura llimitat id-dritt tagħha għat-tgawdija tal-proprjetà. 

L-Ordni ta’ Qbid u Ffriżar inkludiet ukoll assi li, skontha, ġew minn sorsi leġittimi bħal pagi u dħul minn snin ta’ xogħol.
Ċentrali fl-argument ta’ Sultana kien dak li ġie deskritt bħala limbu legali. 

Minkejja li l-Qorti Kostituzzjonali f’każijiet preċedenti, kienet indikat li l-Qrati Kriminali jistgħu jvarjaw ordnijiet ta’ ffriżar, meta talbu li l-ordni tagħhom tiġi varjata, il-Qorti Kriminali f’April tal-2023 iddikjarat li “id il-Qorti tibqa’ marbuta diment li l-liġi tibqa’ kif inhi”.
 Skont Sultana, dan ħoloq inċertezza legali serja.

“Flus Reqdin” u Telf ta’ Negozju
Fl-affidavits tagħha, Sultana ddeskriviet l-impatt finanzjarju tal-ordni. 
Qalet li r-ristorant tagħha, Porticello, baqa’ magħluq għal sitt xhur. It-telf ta’ bejgħ, meta mqabbel ma’ perjodu ekwivalenti tas-sena ta’ wara, kien stmat għal €221,303.

Hija qalet ukoll li għandha madwar €538,768 f’assi ffriżati f’diversi kontijiet bankarji. Dawn iddeskrivithom bħala “flus reqdin”. Sostniet li kieku ġew investiti f’bonds tal-Gvern, kienu jrendu madwar €16,163 fis-sena.

Sultana spjegat ukoll li kellha twaqqa’ konvenju fuq proprjetà fix-Xemxija li kienet daħlet għalih fl-2018. Qalet li b’hekk tilfet opportunità ta’ investiment importanti.

Il-Qorti semgħet ukoll li l-kumpanija kienet irċeviet €76,000 f’Covid Wage Supplement. Madankollu, skont it-testimonjanza tas-CEO tal-Malta Enterprise, din l-għajnuna waqfet immedjatament malli nħarġet il-freezing order fl-14 ta’ April 2021.

L-emendi legali tal-2024
Saret referenza għal Att VI tal-2024, li introduċa tibdil fl-Artikolu 36 tal-Att dwar ir-Rikavat mill-Kriminalità. Permezz ta’ dawn l-emendi, il-liġi issa tipprovdi mekkaniżmu li permezz tiegħu Ordni ta’ Qbid u Ffriżar jista’ jiġi limitat għal assi speċifiċi jew għal somma ta’ flus indikata mill-prosekuzzjoni. 

Dan minflok ma jibqa’ jolqot l-assi kollha tal-imputat b’mod ġenerali.

Fil-każ ta’ Sultana, din il-bidla wasslet biex fl-4 ta’ Ġunju 2024 il-Qorti awtorizzatha tipperċepixxi €21,945 fis-sena. Dan huwa l-ammont massimu ġdid permess mil-liġi emendata. Qabel, hija setgħet tieħu €13,976.24 biss fis-sena.

Ix-xhieda tal-amministratur u d-diffikultajiet mal-banek
L-amministratur maħtur mill-Qorti, Dr Peter Fenech, xehed dwar id-diffikultajiet operattivi. Huwa qal li kien hemm “battalja” mal-Bank of Valletta biex jinfetaħ biss kont wieħed. 

Dan kien meħtieġ biex in-negozju ma jibqax jopera biss bil-cash.

Huwa spjega wkoll li l-kumpanija ma setgħetx tiġi awditjata. Skontu, l-ebda ditta ma kienet lesta taċċetta kumpaniji taħt investigazzjoni ta’ ħasil tal-flus.

Fenech ikkonferma li Sultana taħdem sigħat twal fir-ristorant. Madankollu, tista’ tieħu biss il-massimu permess mil-liġi. Il-kumplament tas-salarju tagħha jinżamm “iffriżat internament” fil-kontijiet tal-kumpanija.

L-involviment ta’ Darren Debono
Il-prosekuzzjoni u l-Avukat tal-Istat argumentaw li l-iffriżar kien meħtieġ. Qalu li mingħajr l-iffriżar hemm riskju li jisparixxu flus ġejjin minn attivitajiet kriminali.

Skonthom, Sultana u l-kumpaniji tagħha kienu parti minn “xibka kumplessa ta’ strutturi u persuni li permezz tagħhom Darren Debono allegatament ħasel flus”.

F’nota mressqa f’Settembru 2024, il-prosekuzzjoni indikat li għandhom jibqgħu ffriżati diversi sommom. 
Dawn jinkludu €550,000 bħala stima ta’ pagi ta’ ħaddiema li ma ġewx dikjarati u €1,080,000 bħala stima ta’ dħul u ikel li ntuża fir-restorant, ukoll mhux dikjarati. 

Ġie indikat ukoll li d-depożiti bankarji kollha ta’ Nesvan Company Ltd, li jammontaw għal €196,391, għandhom jibqgħu suġġetti għall-ordni.
Id-deċiżjoni tal-Qorti

Fis-sentenza tagħha, l-Imħallef Joanne Vella Cuschieri qalet li l-liġi kienet tipprovdi salvagwardji adegwati, anki qabel l-emendi tal-2024.
Il-Qorti osservat li r-rikorrenti kienu għamlu użu minn diversi rimedji. F’ċerti każijiet, ir-rimedji ingħatawlhom. Dan kien jinkludi r-rilaxx ta’ vettura personali u handbags, kif ukoll il-ħlas ta’ kredituri.

Dwar l-impatt psikoloġiku, il-Qorti rrikonoxxiet l-ansjetà ta’ Sultana. Iżda ddeċidiet li din kienet riżultat tal-proċeduri kriminali li qed taffaċċja, u ma sabitx li kien hemm ksur ta’ drittijiet fundamentali.

Il-Qorti qalet li miżuri konservattivi fuq assi li jistgħu jkunu l-frott ta’ kriminalità huma “dejjem fl-interess tas-soċjetà in ġenerali”, biex jekk ikun hemm ħtija, il-pieni jkunu jistgħu jinġabru bħala dejn ċivili.
Il-Qorti għalhekk ċaħdet it-talbiet kollha tar-rikorrenti, u ordnatilhom iħallsu l-ispejjeż tal-kawża.

More in Qrati u Pulizija