Il-Qorti ssib lil Evarist Bartolo ħati ta’ malafama u tordnalu jħallas €5,000 lil Doreen Camilleri

Il-Qorti tiddeċiedi li kummenti tal-2016 dwar “kwistjonijiet legali” u “governanza tajba” kienu malafamanti u ma kellhomx sustanza vertiera

Il-Qorti tal-Maġistrati ordnat lill-eks Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo iħallas €5,000 f’danni lil Doreen Camilleri wara li sabet li kummenti li għamel fl-2016 dwar it-tneħħija tagħha mill-Aġenzija EUPA kienu malafamanti u mhux ġustifikati mill-fatti.

Nhar it-Tnejn, il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Victor Axiak, iddeċidiet li kummenti li l-eks Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien għamel lill-midja fl-2016 kienu libellużi u malafamanti fil-konfront ta’ Doreen Camilleri, l-eks Koordinatriċi Nazzjonali tal-Aġenzija EUPA. 

Il-Qorti kkonkludiet li l-allegazzjonijiet tal-Ministru kienu ta’ natura li jnaqqsu r-reputazzjoni tagħha u ordnatlu jħallas €5,000 f’danni morali.

Il-fatti tal-każ

Il-każ oriġina minn intervista ppubblikata fil-gazzetta The Malta Independent fit-12 ta’ Frar 2016. 
Meta mistoqsi dwar it-tneħħija ta’ Camilleri mill-kariga tagħha matul il-perjodu ta’ probation, Bartolo kien wieġeb li d-deċiżjoni ttieħdet “fl-interess ta’ governanza tajba” u li seta’ kien hemm “kwistjonijiet legali involuti”.

Fil-proċeduri quddiem il-Qorti, il-Ministru ddefenda l-kummenti tiegħu billi sostna li kien qed jinforma lill-pubbliku u li dak li qal kien sostanzjalment veru. Huwa sostna li kien ibbaża ruħu fuq rapporti li kien irċieva mingħand is-Segretarju Permanenti tiegħu.

Il-verżjoni ta’ Camilleri u Aġenzija f’diffikultà serja

Doreen Camilleri xehdet li kienet ixxukkjata bil-kummenti tal-Ministru, peress li kienet proprju hi li bdiet timplimenta miżuri ta’ governanza fl-EUPA.

Hija spjegat li meta rċeviet il-management accounts fi Frar 2016, skopriet li l-Aġenzija kienet f’sitwazzjoni finanzjarja kritika, b’dejn ta’ madwar €200,000 li kien ilu jinġabar minn qabel ma ħadet l-inkarigu. 

Qalet li introduċiet sistemi ta’ audit trail u risk register, li saħansitra ġew innotati b’mod pożittiv mill-Kummissjoni Ewropea waqt żjara ta’ superviżjoni.

Skont ix-xhieda tagħha, erbat ijiem wara li ġibdet l-attenzjoni tal-Ministru u tas-Segretarju Permanenti dwar is-sitwazzjoni finanzjarja gravi tal-Aġenzija, hija ġiet infurmata bit-terminazzjoni tal-impjieg tagħha.

Ix-xhieda tal-impjegati

Lil hinn mill-kwistjonijiet ta’ fondi, il-Qorti semgħet xhieda dettaljata u spiss inkwetanti dwar l-ambjent tax-xogħol fl-EUPA taħt it-tmexxija ta’ Camilleri. 

Uffiċjal li kien jagħmel superviżjoni tal-Aġenzija, xehed li l-istaff kien jiftaħ qalbu miegħu dwar l-atmosfera negattiva li kienet qed tiżviluppa.

Huwa rrapporta li impjegat partikolari kien wasal biex jieħu l-"kalmanti" minħabba l-pressjoni, filwaqt li oħrajn allegaw li Camilleri kienet saħansitra tistaħba wara l-bibien biex tara jekk il-ħaddiema humiex f’posthom. 

Impjegati oħra ddeskrivew l-ambjent bħala wieħed "assurd" u karatterizzat minn "għajjat u ħtif," b’impjegati li eventwalment telqumill-impjieg mingħajr ma jkollhom xogħol ieħor lest.

Għalkemm il-Qorti rrikonoxxiet li seta' kien hemm reżistenza għal stil ġdid ta’ tmexxija jew nuqqasijiet fil-mod kif Camilleri kienet qed tmexxi lin-nies tagħha, il-Maġistrat Axiak qal li dan l-aġir, għalkemm seta' kien biżżejjed biex jittermina l-probation tagħha, ma kienx jammonta għal nuqqas ta’ governanza tajba fit-tifsira speċifika u serja li kien implika l-Ministru.

L-inkjesta maġisterjali u email editjata

Il-Qorti għamlet referenza għall-irregolaritajiet fil-Fact-Finding Board li kien twaqqaf biex jinvestiga l-operat ta’ Camilleri.
Inkjesta Maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Natasha Galea Sciberras żvelat li l-Bord ma żamm l-ebda minuti tal-laqgħat tiegħu u ma kien hemm l-ebda rekord ta’ min ippreżenta d-dokumenti.

Email attribwita lill-impjegata Marvic Debono, li ntużat biex timplika lil Camilleri f’telf ta’ €150,000 f’fondi Ewropej, instabet li kienet ġiet ippreżentata b’mod differenti milli kif fil-fatt kienet. 

Parti mill-email oriġinali, li kienet tnaqqas jew teskludi r-responsabbiltà ta’ Camilleri, kienet tħalliet barra mir-rapport ippreżentat lill-Bord. Il-Qorti nnutat dawn l-irregolaritajiet bħala serji u osservat li r-rapport ma għamilx ġieħ lil min kien responsabbli għalih. 

Ġie wkoll stabbilit li Camilleri ngħatat biss nofs siegħa biex twieġeb erba’ mistoqsijiet, mingħajr ma kienet infurmata minn qabel li kienet qed tiġi investigata formalment.

Il-konsiderazzjonijiet tal-qorti

Il-Maġistrat Axiak applika r-regola tas-“single meaning”, jiġifieri kif qarrej ordinarju u raġonevoli jifhem il-kliem użat.

Fil-kuntest ta’ aġenzija li tamministra fondi Ewropej sostanzjali, it-termini “kwistjonijiet legali” u “governanza tajba” kienu jimplikaw, skont il-Qorti, imġiba serjament skorretta jew misconduct, u mhux sempliċement ineffiċjenza amministrattiva.

Rigward allegazzjonijiet speċifiċi relatati ma’ kunflitt ta’ interess minħabba l-impjieg ta’ żewġha, il-Qorti sabet li Camilleri kienet minnufih ġibdet l-attenzjoni ta’ potenzjal ta’ kunflitt ta’ interess lill-Kummissjoni Ewropea u lis-superjuri tagħha, u li l-miżuri ta’ mitigazzjoni kienu ġew aċċettati.
L-allegazzjonijiet dwar użu ta’ fondi pubbliċi għal skopijiet personali, bħal ħlas ta’ multi tat-traffiku jew tiswijiet ta’ vettura privata, ma ġewx ippruvati. 

Irriżulta li l-multi kienu tħallsu minn Camilleri stess, filwaqt li l-ispejjeż tal-vettura kienu relatati ma’ użu għal skopijiet uffiċjali meta l-karozza tal-Aġenzija ma kinitx disponibbli.

Il-konklużjoni u s-sentenza

Il-Qorti kkonkludiet li “t-tingiża tal-allegazzjonijiet” ma kinitx sostanzjalment vera u lanqas ġustifikata. 

Il-Maġistrat saħaq li l-Ministru żbalja meta strieħ fuq rapport difettuż u naqas milli jivverifika b’mod adegwat l-informazzjoni, minkejja li kien irċieva spjegazzjonijiet mingħand Camilleri stess.

Minħabba s-serjetà tal-allegazzjonijiet u l-fatt li ma saret l-ebda apoloġija, il-Qorti illikwidat id-danni għal €5,000, flimkien mal-interessi legali u l-ispejjeż tal-kawża.

Il-Qorti nnutat ukoll li l-proċeduri damu għaddejjin għal disa’ snin, minħabba l-kumplessità tal-provi u l-kwistjonijiet marbuta mal-email mibdula li kienet tinsab fiċ-ċentru tal-kontroversja.

More in Qrati u Pulizija