Raġel Albaniż ta’ 42 sena, mingħajr residenza fissa f’Malta, ġie kkundannat għal erba’ snin u sitt xhur priġunerija effettiva wara li ammetta quddiem il-Qorti Kriminali li importa kokaina f’Malta bil-għan li tiġi ttraffikata, kif ukoll li uża dokumenti ta’ identifikazzjoni foloz.
Il-każ imur lura għal Novembru tal-2022, meta uffiċjali tad-Dwana, flimkien ma’ membri tal-kumpanija tal-kunsinni UPS, interċettaw pakkett li kien ġej mill-Belġju u indirizzat lejn appartament fil-Gżira. Wara spezzjoni, instab li l-pakkett kien fih sustanza bajdanija li tat indikazzjoni pożittiva għall-kokaina.
Wara li ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa, ġiet ordnata konsenja kontrollata. Id-droga nħarġet mill-pakkett u ġiet sostitwita b’materjal simili, u l-kunsinna saret lil persuna li ppreżentat dokument ta’ identità Taljan bl-isem ta’ “Guzeppe Liparo”. Din il-persuna ffirma biex irċieva l-pakkett u ġiet arrestata minnufih mill-Pulizija.
Mill-investigazzjonijiet irriżulta li l-persuna arrestata kienet fil-fatt Sotir Hoxhaj. Analiżi forensika kkonfermat li d-droga oriġinali kienet tikkonsisti f’257 gramma kokaina b’purità ta’ madwar 66 fil-mija.
Il-Qorti semgħet ukoll kif minn estrazzjoni tad-data mit-telefon ċellulari tal-akkużat irriżulta li kien irċieva diversi dokumenti foloz mingħand terzi persuni, fosthom karti ta’ identità b’ismijiet differenti iżda kollha b’wiċċu, bil-għan li jiffaċilita r-rilaxx tal-kunsinna tad-droga.
Fis-seduta tal-24 ta’ Frar 2026, l-akkużat irreġistra ammissjoni formali quddiem il-Qorti, li aċċettat ftehim ta’ patteġġjament milħuq bejn il-partijiet. Il-Qorti sabitu ħati tal-importazzjoni ta’ droga kokaina, falsifikazzjoni ta’ passaport u użu ta’ dokumenti foloz.
Minbarra l-piena ta’ priġunerija, Hoxhaj ġie kkundannat ukoll multa ta’ €7,000, li għandha titħallas fi żmien sena, kif ukoll għall-ħlas tal-ispejjeż tal-perizji li jammontaw għal aktar minn €2,300. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta ta’ kull proprjetà jew flus marbuta mar-reati, kif ukoll id-distruzzjoni tad-droga esebita, sakemm ma tkunx meħtieġa fi proċeduri oħra.