Il-Qorti Ċivili ċaħdet talba ta’ €36,675 imressqa minn intermedjarju privat Libjan, f’ismu u f’isem il-kumpanija tiegħu, kontra l-Ministru għas-Saħħa, id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tas-Servizzi tas-Saħħa, il-Foundation for Medical Services u Neville Gafa’.
Il-kawża kienet relatata mal-koperazzjoni medika bejn Malta u l-Libja wara l-kunflitt tal-2011, meta diversi ċittadini Libjani ġew trasferiti Malta għal kura medika. Fil-bidu, Malta kienet offriet assistenza umanitarja mingħajr ħlas, iżda aktar ’il quddiem il-Gvern Libjan kien mistenni jkopri l-ispejjeż mediċi.
L-intermedjarju sostna li huwa kellu rwol ta’ rabta bejn entitajiet Libjani u awtoritajiet Maltin, billi ffaċilita trasferimenti mediċi u arrangamenti ta’ viżi. Skontu, inġabru flus mingħand individwi Libjani għall-viżi u l-kura, iżda numru ta’ pazjenti qatt ma vvjaġġaw lejn Malta minkejja li saru l-pagamenti. Huwa qal li, wara xi rifużjonijiet parzjali, baqa’ dovut ammont ta’ €36,675 u talab li dan jitħallas lura flimkien ma’ kumpens.
Il-partijiet konvenuti ċaħdu li kien hemm kwalunkwe relazzjoni kuntrattwali mal-attur u sostnew li qatt ma rċevew dawn il-fondi. Il-Foundation for Medical Services argumentat li ma kellha l-ebda rabta legali mat-tranżazzjonijiet allegati.
Wara li eżaminat ix-xhieda u d-dokumentazzjoni, il-Qorti kkonkludiet li kien Neville Gafa’, u mhux l-entitajiet istituzzjonali, li rċieva pagamenti sostanzjali fi flus kontanti mingħand l-attur u terzi, marbuta mal-proċess tal-viżi. Madankollu, il-Qorti kienet ċara li dawn il-pagamenti ma sarux fil-qadi tad-dmirijiet uffiċjali tiegħu mal-Foundation for Medical Services u lanqas b’xi awtorizzazzjoni mill-Ministeru għas-Saħħa.
Il-provi wrew ukoll li l-ispejjeż mediċi fl-Isptar Mater Dei kienu jiġu ffatturati lill-Gvern Libjan u mhux lill-pazjenti individwali, filwaqt li l-miżata uffiċjali għall-applikazzjoni tal-viża kienet ta’ €66, pagabbli lill-awtoritajiet tal-immigrazzjoni. Ma kien hemm l-ebda evidenza li l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin talbu pagamenti bil-quddiem fi flus kontanti mingħand individwi biex tiġi żgurata kura jew viża, u l-pagamenti msemmija fil-Qorti saru mingħajr riċevuti uffiċjali.
Il-Qorti ddeċidiet li l-ftehim allegat bejn l-attur u Gafa’ ma setax jitqies bħala parti minn qafas amministrattiv legali. Skont is-sentenza, il-pagamenti ma kinux spejjeż mediċi leġittimi bil-quddiem, iżda kienu marbuta ma’ servizz improprju li jinvolvi intervent fil-proċeduri tal-ħruġ tal-viżi bi skambju ta’ flus.
Il-Qorti qalet ukoll li, skont il-liġi Maltija, obbligazzjoni mibnija fuq kawża illegali ma għandha l-ebda effett legali. F’sitwazzjonijiet fejn iż-żewġ partijiet ikunu pparteċipaw f’arranġament illegali, il-qrati ma jintervenux favur ħadd minnhom.
Għalkemm ġie aċċettat li Gafa’ rċieva l-pagamenti, l-illegalità tal-arranġament kienet biżżejjed biex timblokka kwalunkwe rkupru.
Għaldaqstant, it-talbiet kontra l-Ministru għas-Saħħa, id-Direttur Ġenerali u l-Foundation for Medical Services ġew miċħuda, l-obbligazzjoni allegata ġiet iddikjarata nulla u t-talbiet kollha tal-intermedjarju ġew rifjutati, bl-ispejjeż imposti fuqu.
Neville Gafa’ kien irrappreżentat mill-Avukat Mark Vassallo, filwaqt li Leslie Cuschieri deher għall-attur. Il-Ministeru għas-Saħħa kien irrappreżentat minn James Scerri Worley u Andrew Grima. Il-kawża kienet preseduta mill-Imħallef Rachel Montebello.