Vittma ta’ burdell f’San Ġiljan tixhed kif kellha taqsam sodditha ma’ nisa oħrajn u li kellha tkun lesta għax-xogħol il-ħin kollu
Il-mara, li allegatament ġiet f’Malta għal vaganza, sabet ruħha taħt kundizzjonijiet stretti u mingħajr libertà f’Airbnb ġewwa San Ġiljan
minn Ħaley Xuereb
Nhar it-Tlieta filgħodu kompliet tinstema’ l-evidenza kontra Silvia Juliana Jinete Vega, Karen Dayanna Pineda, u Janice Jasbeth Ramirez Cummings, li jinsabu akkużati b’traffikar ta’ persuni għal skopijiet ta’ prostituzzjoni, tmexxija ta’ burdell u ħasil ta’ flus, fost l-oħrajn.
Il-każ beda jinstema’ f’Diċembru li għadda.
Il-vittma ta’ nazzjonalità Kolombjana spjegat li waslet f’Malta fid-29 ta’ Novembru għal dik li kellha tkun vaganza ta’ madwar xahar.
Qalet li ġiet ikkuntattjata permezz ta’ WhatsApp minn mara jisimha “Claudia” dwar l-akkomodazzjoni tagħha f’Malta għal Airbnb f’San Ġiljan.
‘Claudia’ kienet ikkuntattjatha permezz ta’ ħabiba li l-vittma kellha fi Spanja li kienet taħdem fil-prostituzzjoni taħt isem fittizju. Din il-ħabiba ma kinitx ġiet Malta qabel.
Il-vittma qalet li sempliċiment kienet ġiet mistoqsija jekk xtaqitx iżżur Malta. Qalet li ma kinitx ġiet infurmata dwar il-kundizzjonijiet li kienet se ssib mal-wasla tagħha f’Malta.
Meta waslet fl-appartament, sabet li diversi nisa kienu diġà jgħixu hemm.
Hi ddeskriviet il-propjetà bħala waħda b’kuritur li kien jiżbokka għal diversi kmarar, b’kull waħda b’sodda waħda maqsuma bejn diversi nisa.
Qalet li kienet mġiegħla torqod fuq sodda li kienet diġà okkupata minn żewġ nisa oħra. Qalet ukoll li ma kellha l-ebda spazju għall-ħwejjeġ jew għall-bagalji, u li kellha tpoġġi l-bagalji tagħha fil-kuritur.
“Ħsibt li kont se niġi f’post komdu fejn inkun libera li nitlaq meta rrid,” qalet, hi u tgħid li minflok sabet ma’ wiċċha kundizzjonijiet stretti.
Il-vittma qalet lill-Qorti li, meta waslu l-appartament, nisa li kienu magħrufin bħala “mummies” tawha l-kundizzjonijiet li kellha toqgħod għalihom.
Hi identifikat lil dawn il-”mummies” ġewwa l-Qorti bħala l-akkużati.
L-vittma xehdet li n-nisa kellhom ikunu lesti 24 siegħa kuljum biex jaqdu lill-klijenti.
Qalet li n-nisa setgħu joħorġu barra sa massimu ta’ tliet sigħat biss kuljum, u kellhom jitolbu permess biex jagħmlu dan.
Jekk mara oħra kienet diġà tkun saqsiet biex toħroġ, kien ikollhom jistennew il-ħin tagħhom skont lista.
Il-vittma spjegat li s-servizzi sesswali kienu jiġu pprovduti kemm ġewwa l-appartament kif ukoll permezz ta’ ‘out-calls’.
Għal dawn l-‘out-calls’, kienet tingħata biss 15-il minuta biex tipprepara, anke jekk kienet tkun rieqda meta tidħol it-telefonata. Jekk ma kienx jirnexxielha tlesti fil-ħin, kienet tiġi mċanfra.
Qalet li waqt dawn l-’out-calls’ kienet tiġi kkuntattjata kontinwament mill-’mummies’.
Malli l-ħin li kien ikun ħallas għalih il-klijent kien jgħaddi, kultant anke mingħajr ma kienet tingħata ċans tinħasel, kienet tiġi ordnata biex titlaq u tidħol fil-karozza li kienet issib tistenniha.
Għal appuntament ta’ siegħa, il-klijenti kienu jħallsu €200. Meta l-ħlas kien isir bi flus kontanti, il-flus kollha kienu jiġu mgħoddija lill-“mummy” fl-ħin meta jerġgħu lura fl-appartament.
In-nisa kienu jirċievu paga ta’ nofs il-flus li kienu jaqilgħu u jitħallsu kull nhar ta’ Tnejn.
Il-vittma qalet li kienet irċiviet total ta’ €1700 fi ħlas. Żiedet tgħid li matul il-ġimgħa li fiha saret ir-raid tal-pulizija ma kinitx għadha tħallset..
Il-vittmi kienu wkoll iħallsu wkoll €20 fil-ġimgħa għat-tindif tal-appartament. Minkejja li l-ħassiela kienet tiġi darba jew darbtejn fil-ġimgħa, in-nisa kellhom jikinsu l-kuritur, joħorġu l-boroż tal-iskart, u jbiddlu l-lorżor.
Il-vittma esprimiet wkoll suspett dwar ċertu ħlasijiet għat-trasport waqt ‘out-calls’. Filwaqt li n-nisa l-oħra allegatament kienu jħallsu madwar €10 għal kull vjaġġ, il-vittma sostniet li Karen Dayanna Pineda Caicedo, waħda mill-akkużati, kienet tħallas sa €45.
Qalet li ssuspettat li l-ħlas li kienet tirċievi kien ikun ogħla mill-prezz reali, u li l-akkużata kienet qed iżżomm id-differenza fil-flus għaliha.
Il-kontroeżami
Għall-mistoqsijiet li saru mill-avukat difensur Charles Mercieca, il-vittma kkonfermat li qatt ma kienet iltaqgħet mal-akkużati qabel ma waslet f’Malta.
Qalet li qatt ma kienet involuta fil-prostituzzjoni fil-Kolombja u ma kinitx taf jekk il-prostituzzjoni hix legali hemmhekk.
Qabel ma waslet f’Malta, il-vittma qalet li kienet tgħix Spanja u kienet titkellem ma’ Claudia permezz ta’ WhatsApp minkejja li qatt ma kienet iltaqgħet magħha personalment.
Hi ammettet li kienet taf li kienet ġejja f’Malta biex tieħu sehem f’xi forma ta’ prostituzzjoni, iżda insistiet li ma kinitx infurmata dwar il-kundizzjonijiet tal-għixien u tax-xogħol.
Qalet li meta l-’mummies’ spjegawlha r-regoli, hija ma tniffsitx u ma ppruvatx tisfidahom. Żiedet tikkonferma li l-passaport tagħha dejjem baqa’ fil-pussess tagħha.
Żiedet tgħid li kienet tħossha skomda u waħedha f’pajjiż ġdid fejn ma kinitx taf il-lingwa tiegħu.
Qalet ukoll li kienet sabet l-karta tal-kreditu tagħha nieqsa wara li ħalliet il-basket tagħha fil-kuritur minħabba li ma kiex hemm spazju f’kamritha.
Din il-karta tal-kreditu qatt ma nstabet u kienet blukkatha aktar tard.
Hija kkonfermat li kellha flus kontanti u li kienet xtrat biljett biex titlaq minn Malta. Ħadd ma kien prova jwaqqafha fiżikament milli titlaq. Kienet iddeċiedet li taħdem għal ftit sakemm tiġbor is-somma tal-flus li kellha bżonn u mbagħad titlaq lura lejn darha.
Fi tweġiba għall-mistoqsija tal-avukat difensur Herman Mula, il-vittma kkonfermat li iltaqgħet mal-akkużati l-ewwel darba meta waslet Malta.
Il-ħelsien mill-arrest se jiġi trattat l-Erbgħa li ġej, waqt li l-każ ġie diferit għat-2 ta’ Marzu fis-sagħtejn, fejn mistennija tinstema’ xhieda oħra.
L-avukat Franco Debono qed jidher għal Silvia Juliana Jinete Vega, l-avukat Charles Mercieca qed jidher għal Karen Dayanna Pineda Caicedo, u l-avukat Herman Mula qed jidher għal Janice Jasbeth Ramirez Cummings.
Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati mill-uffiċju tal-Avukat Ġenerali Charmaine Abdilla u Etienne Savona, assistiti mill-Ispetturi John Spiteri, Dorianne Tabone, u Marshall Mallia.
L-avukat Stephanie Caruana dehret bħala parte civile.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech presediet fuq il-każ.
