Ordni ta’ probation għal raġel li ttraffika d-droga biex imantni vizzju ta’ €200 kuljum

Raġel nstab ħati ta’ traffikar u pussess aggravat ta’ kokaina u eroina li jmorru lura għall-2016, iżda l-Qorti qieset il-progress kbir tiegħu fir-rijabilitazzjoni u l-fatt li r-reati kienu marbuta mad-dipendenza tiegħu

Alan Caruana miż-Żejtun it-Tlieta ġie mogħti ordni ta’ probation minflok piena effettiva ta' ħabs wara proċess li kixef il-problema serja ta’ dipendenza ta’ droga li kien jinsab fiha.

Il-każ imur lura għall-5 ta’ Mejju 2016, meta l-pulizija kienu qed josservaw lill-imputat b’rabta ma’ allegat traffikar. 

Caruana deher isuq Toyota Aygo lejn il-ground ta’ Ħal Tarxien fejn iltaqa’ ma’ ċertu Carmelo Bonnici. Fuq suspett li kien qiegħed isir traffikar tad-droga, il-Pulizija waqqfu kemm lill-imputat kif ukoll lill-Bonnici.

Waqt l-arrest, Bonnici rema tlett qratas li fihom instabu l-kokaina u l-eroina. Meta saret tfittxija fuq Caruana, instabu total ta’ €395.10 fi flus kontanti fil-bwiet tiegħu, apparti l-flus li kellu fil-kartiera.

L-investigazzjoni kompliet fir-residenza ta’ Caruana fiż-Żejtun, fejn fil-kamra tas-sodda instabu diversi oġġetti li kixfu l-operazzjoni tiegħu. 

Fost l-oġġetti elevati kien hemm vażett tal-ħġieġ li fih kien hemm miżien diġitali ta’ lewn iswed kif ukoll mera lewn il-fidda li fuqha kien hemm traċċi ta’ sustanza, flimkien ma’ diversi boroż tal-plastik, kontenituri tal-Kinder Sorpresa li kien fihom trab abjad, u erba’ biċċiet suspettati raża tal-cannabis f'kontenitur tal-ħġieġ.

Instab ukoll notebook abjad u griż b’notamenti dwar traffikar u ID cards ta’ persuni oħra, li dehru li l-imputat kien qed iżomm bħala garanzija sakemm jinġabru l-flus mid-droga.

L-espert tal-qorti Godwin Sammut ikkonferma li s-sustanzi kienu jinkludu kokaina, eroina (f'forma ta' paste) u raża tal-kannabis.
Vizzju ta' €200 Kuljum

Il-Qorti semgħet kif Caruana kien ilu jabbuża mid-droga sa mill-età ta' 12-il sena.

L-imputat ammetta fl-istqarrija tiegħu li spiċċa jbiegħ id-droga għar-raġuni li ma setax ilaħħaq mal-ispejjeż tal-vizzju. 

Huwa spjega li kien qed jikkonsma tlett grammi eroina u kokajina kuljum f’taħlita msejħa snowball, u ammetta li dan kien qed jiswieh mal-mitejn ewro (€200) kuljum, apparti l-ħamsa u għoxrin ewro fil-ġimgħa li kien jonfoq fuq il-kannabis. 

Caruana beda jbiegħ madwar żewġ grammi kokaina u żewġ grammi eroina kuljum biex jiffinanzja l-abbuż tiegħu, filwaqt li kien juża l-vettura tiegħu biex iwassal id-droga lil min jikkuntattjah.

Punt legali li ġie diskuss fit-tul kienet l-istqarrija li Caruana ta lill-Pulizija fl-2016 mingħajr ma kien assistit minn avukat, dritt li dak iż-żmien kien għadu ma daħalx fis-seħħ fil-liġi Maltija. 

Madankollu, il-Qorti ddeċidiet li ma kienx hemm bżonn li l-istqarrija tiġi skartata għaliex kien hemm provi oħra biżżejjed, bħax-xhieda ta’ Carmelo Bonnici u d-droga misjuba fil-pussess tiegħu, li wasslu għas-sejbien ta' ħtija. 

Meta ġiet biex tiddetermina l-piena, il-Qorti tat piż kbir lill-fatt li l-Bord ta’ Rijabilitazzjoni kien sodisfatt li l-imputat kien temm il-proċess ta’ rijabilitazzjoni tiegħu b’suċċess fl-2023. 

Il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo kkonkludiet li r-reat li dwaru l-imputat qed jinstab ħati kien prinċipalment attribwibbli għad-dipendenza tiegħu fuq id-droga. 

Għaldaqstant, minflok piena ta' ħabs, il-Qorti imponiet fuqu ordni ta’ probation għal żmien sentejn. 

Huwa ġie ordnat ukoll iħallas €284.64 f’ispejjeż tal-esperti u l-Qorti ordnat il-konfiska favur il-Gvern ta’ Malta tas-somma ta’ €395.10 li nstabet fuqu, flimkien mad-distruzzjoni tad-droga kollha elevata.

Għal Caruana deher l-avukat David Gatt.

More in Qrati u Pulizija