Jingħataw sentenza sospiża t-tliet Maltin li kienu akkużati b’ distribuzzjoni ta' nitrous oxide fl-Alpi

Huma ġew ipprojbiti milli jidħlu fi Franza għal ħames snin, u ngħataw multa ta’ elf ewro ‘l wieħed

It-tliet ċittadini Maltin li ġew arrestati b'rabta ma' operazzjoni fuq skala kbira ta' distribuzzjoni ta' nitrous oxide fl-Alpi Franċiżi ngħataw sentenzi ta' tmien xhur ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta' €1,000 kull wieħed minn qorti Franċiża.

Il-qorti ordnat ukoll li l-irġiel ma jidħlux fi Franza għal perjodu ta' ħames snin.

Is-sentenza ngħatat wara li l-prosekuzzjoni kienet talbet piena ta' sena ħabs effettiv għal kull imputat.

Il-każ kien jittratta operazzjoni ta' distribuzzjoni suspettata li kienet qed topera fir-reġjun ta' Savoie, fejn l-irġiel ġew arrestati fil-21 ta' Jannar waqt tfittxijiet tal-pulizija f'Bourg-Saint-Maurice u fir-resort tal-iskijjar fil-qrib, Les Arcs.

Skont l-awtoritajiet Franċiżi, l-investigazzjoni bdiet meta uffiċjali tad-dwana nnotaw 13-il pallet ta' nitrous oxide maħżuna f’units industrijali fil-lokalità. 

Sorveljanza li saret wara wriet vettura tniżżel merkanzija qrib il-unit industrijali, filwaqt li tliet vetturi mikrija kienu qed jittrasportaw merkanzija kontinwamet bejn il-wied u r-resort. 

Dan wassal lill-investigaturi biex jissuspettaw li kien hemm netwerk organizzat ta' distribuzzjoni.

It-tfittxijiet fil-vetturi tas-suspettati, fl-appartament tagħhom u fil-post tal-ħażna wasslu għas-sekwestru ta' 6,325 kanister ta' nitrous oxide b'valur stmat ta' €340,000. L-uffiċjali sabu ukoll madwar €5,000 u aktar minn £1,000 fi flus kontanti.

Għall-akkużati dehru l-avukati Franco Debono u Marion Camilleri flimkien mal-avukat Franċiż Pierre-Olivier Lambert.

More in Qrati u Pulizija