Adolexxenti ta’ 16-il sena għandhom jidhru quddiem il-Qorti bl-istess mod bħal raġel ta’ 30?
L-età tar-responsabbiltà kriminali tirrifleti r-realtà?
minn Ilenia Debono
Aktar kmieni dan ix-xahar, numru ta’ minorenni dehru quddiem il-Qorti akkużati li attakkaw minorenni ieħor b’mod brutali. Madankollu mhux l-allegati aggressuri kollha dehru quddiem il-Qorti hekk kif ftit minnhom kienu taħt l-età tar-responsabbiltà legali.
L-età tar-responsabbiltà legali f’Malta hija 14. Kull min jagħmel att kriminali taħt l-età ma jistax jidher quddiem il-Qorti hekk kif huma meqjusa bħala mhux kapaċi jagħmlu att ta’ ħażen. Il-Qorti tista’ tiddeċiedi li l-kustodju – l-omm, il-missier, jew min jieħu ħsieb lit-tfal – ta’ dak iż-żagħżugħ jidher quddiemha u jekk il-Qorti tgħid li r-reat sar, il-kustodju jingħata r-responsabbiltà tal-ħarsien tad-delikwenti b’multa jekk dan ma jsirx.
Żgħażagħ bejn l-14 u s-16-il sena jistgħu jidhru u jeħlu b’responsabbiltà legali. Madankollu jistgħu jiġu eżentati jekk il-Qorti ssib li d-delikwenti m’għamilx ir-reat b’ħażen. Il-“ħażen” fid-dinja legali ifisser li d-delikwenti kien konxju tal-gravità tar-reat, kif ukoll tal-konsegwenzi li jġib dan ir-reat. Jekk jinstab ħati li għamel dan b’ħażen, is-sentenza tkun waħda iżjed ħanina. Din tal-aħħar tgħodd ukoll għal żgħażagħ li jinstabu ħatja ta’ reat bejn is-16 u t-18-il sena mingħajr konsiderazzjoni jekk din saritx b’ħażen jew le. Il-Qorti tista’ tagħżel ukoll li ma tibgħatx żagħżugħ bejn is-16 u t-18-il sena l-ħabs u tirrikorri għal piena oħra jekk tkun l-ewwel offiża.
L-età tar-repsonsabbiltà kriminali f’Malta kienet disa’ snin, fejn fl-2014 Malta introduċiet riforma sabiex din titla’ għal 14 wara ħafna pressjoni minn istituzzjonijiet internazzjonali. L-istess riforma kienet tinkludi salvagwardji għal tfal taħt l-14-il sena minn proċeduri kriminali billi tirrikonoxxi li dawn għadhom immaturi fir-rigward ta’ żvilupp.
Yana Marie Busuttil, studenta tal-liġi, kitbet fit-teżi tagħha kif is-sistema preċedenti fejn l-offiża tal-minorenni kienet tidher fuq il-kondotta bdiet twassal għal dawn id-delikwenti jiġu esklużi mis-soċjetà li jwassal għal ċans li dawn jerġgħu jagħmlu offiża. Hi qalet li din ir-riforma ħolqot sfidi legali u soċjali, inkluż f’każijiet fejn hemm sfruttament ta’ minorenni minn adulti sabiex jagħmlu ċerti reati hekk kif il-minorenni jistgħu jiġu eżentatti minn id il-ġustizzja.
F’pajjiżi oħra, l-età tar-responsabbiltà kriminali tvarja. Fil-Mauritius, m’hemmx età minima għar-responsabbiltà kriminali u tfal taħt l-14-il sena jistgħu jingħataw sentenza ta’ priġunerija jekk il-Qorti ssib li huma konxji tal-ħażen li għamlu. F’pajjiżi bħat-Tanżanija, il-Yemen u l-Emirati Għarab Magħquda, l-età tar-responsabbiltà kriminali hi seba’ snin. Imbagħad hemm pajjiżi bħall-Iran fejn l-età minima hija disa’ snin għall-bniet u 15-il sena għas-subien. Fl-Ewropa, il-maġġoranza tal-pajjiżi l-età minima hija 14-il sena, fejn hemm oħrajn fejn hi 16-il sena u oħrajn fejn tinżel sa disa’ snin. L-età minima tar-Renju Unit, pajjiż li kellu influwenza kbira fuq il-leġiżlazzjoni ta’ Malta, hija għaxar snin, waħda mill-iżgħar fl-Ewropa.
Il-qrati Maltin huma iżjed laxki ma’ minorenni fejn huma magħrufa li jagħtu sentenzi oħra mhux ta’ priġunerija imma jduru fuq rimedji riabilitattivi. Busuttil issemmi każ fejn tfajla ta’ ġuvni ta’ 18-il sena ma affaċċjax konsegwenzi legali għal meta allegatament abbuża sesswalment lil oħtu ta’ 16-il sena meta hu kellu 14-il sena minħabba l-età tiegħu. Hi semmiet kif fl-2023, il-Qorti Maltija rrikonoxxiet li hemm bżonn ta’ aġġornament fil-liġijiet li jikkonċernaw minorenni, speċjalment meta wieħed jinnota li żgħażagħ ta’ 16-il sena jistgħu jiżżewġu (bil-permess tal-ġenituri), jivvutaw fl-elezzjoni ġenerali, jilħqu sindki u issa daqt jista’ jkollhom in-negozju tagħhom. Madankollu huma minorenni quddiem il-Qorti kriminali.
