Raġel jeħel sentenza sospiża wara li hedded lis-sieħba tiegħu waqt li kien qiegħed il-Karnival ta’ Għawdex
Simon Leyton Rachid ma nstabx ħati li seraq vettura, imma instab ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-libert proviżorja u li hedded lis-sieħba tiegħu
minn Kaylyn Linwood
Nhar l-Erbgħa, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech osservat in-“nuqqas ta’ rispett” tal-akkużat għall-qorti wara li nqabad isuq il-BMW tas-sieħba tiegħu biex jasal Karnival ta’ Għawdex. Hu qed jgħid li kien marid biex jevita il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.
Raġel li qal li kien wisq “marid” biex imur jiffirma fl-għassa kif kien obbligat jagħmel bil-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest, u li minflok ġie arrestat waqt li kien qed il-Karnival ta’ Għawdex wara li ħa l-BMW tas-sieħba tiegħu, ingħata sentenza ta’ tliet snin sospiża għal żewġ snin għal ksur tal-libertà kundizzjonata u theddid vjolenti.
Il-fatti tal-każ
Fil-lejl tat-18 ta’ Frar 2023, Malcolm Schembri għamel rapport li l-BMW X5 tiegħu nsterqet meta kienet ipparkjata barra l-Alexandra Hotel f’San Ġiljan. Għalkemm ir-reġistrazzjoni kienet f’isem Schembri, il-vettura kienet tużaha ħabibtu, Naomi Pace, li dak iż-żmien kienet is-sieħba tal-akkużat Rachid.
Il-qorti semgħet li kmieni dik il-ġurnata, għall-ħabta tas-1pm, seħħ argument bejn Pace u Rachid. Pace sostniet li meta marret ħdejn il-vettura, sabet lil Rachid bilqiegħda bħala fuq is-seat ta’ wara. Meta talbitu ċ-ċwievet tal-karozza huwa rrifjuta u sar aktar aggressiv.
“Qabad isabbat fuq il-karozza u jagħmel show f’nofs ta’ triq”, qalet Pace.
Wara nofs siegħa, l-akkużat ordna lil Pace tmur lura l-lukanda u ġġiblu l-ħwejjeġ. Hu kien qed jippjana li jitlaq. Meta telqet lejn il-lukanda, l-akkużat “startja u telaq bil-mobile u biċ-ċwievet b’kollox”.
It-theddid kompla jiżdied
Is-sitwazzjoni marret għall-agħar matul il-lejl hekk kif it-tnejn bdew jibagħtu l-messaġġi.
Meta Pace infurmat lil Rachid li kienet sejra għand il-pulizija biex tirrappurtah, it-ton tal-akkużat sar aktar minaċċjuż. Il-qorti osservat diversi messaġġi u nnutat li “kliemu kien mhux biss vulgari u offensiv iżda kellu ton ta’ theddid”.
Rachid bagħat numru ta’ messaġġi. Fosthom qal li: “Jekk ittellifni il-pleġġijiet, imbagħad tkun taf” u l-kelma “noqtlok” li l-imputat enfasizza għal darba tnejn. Għalkemm fil-messaġġi kiteb li kien f’Paceville, il-filmati tas-CCTV wrew vettura skura li kienet taqbel mad-deskrizzjoni tal-BMW waslet fil-pjazza tax-Xewkija fil-ħinijiet bikrin ta’ filgħodu tal-ġurnata ta’ wara. Żewġ persuni ġew osservati joħorġu mill-karozza u jidħlu f’bini fil-qrib.
L-arrest u l-iskuża tal-Karnival
Nhar id-19 ta’ Frar, il-pulizija ta’ Għawdex kienu qegħdin il-Pjazza tax-Xewkija jippreparaw għall-attivitajiet tal-Karnival meta identifikaw il-BMW bħala vettura misruqa. L-uffiċjala osservaw lil Rachid riesaq lejn il-karozza fejn arrestawh fuq il-post. Meta ġie arrestat, Rachid irritorna ċ-ċwievet tal-karozza u l-mobile tal-vittma.
Fl-istqarrija tiegħu lill-pulizija, qal li kien beda l-vjaġġ lejn Għawdex fit-tmienja ta’ filgħodu ta’ dik il-ġurnata u li fil-ħinijiet ta’ qabel kien id-dar. Però l-akkużat ma qalx il-verità, u dan ġie ppruvat mill-filmati tas-CCTV. Meta mistoqsi għaliex kien tela’ Għawdex, qal: “Tlajna naqra sal-Karnival”.
Id-Deċiżjoni tal-Qorti
Il-qorti lliberat l-akkużat mill-akkużi tas-serq tal-karozza u tal-mobile.
Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qalet li għalkemm l-azzjonijiet tiegħu kienu “irresponsabbli”, l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova li kien hemm intenzjoni frawdolenti. Rachid diġa kellu l-kunsens biex juża l-vettura u ħadha biss biex “jagħmel ħsara lil Pace” wara l-argument tagħhom.
Il-qorti sabet lil Rachid ħati li hedded lil Pace u li għamel użu ħażin ta’ komunikazzjoni elettronika. Il-Maġistrat osservat li l-kelma “nowtlok” (noqtlok) kienet theddida ċara u diretta li kisret il-paċi tal-vittma.
Rachid instab ukoll ħati li kiser il-kundizzjonijiet tal-liberta provizorja li kienet inghatatlu f’żewġ deċiżjonijiet tal-qorti fl-2021.
Il-qorti osservat li huwa kien waqaf jiffirma ktieb tal-pleġġ fl-14 ta’ Frar 2023, erbat ijiem qabel l-inċident, meta hu kien iddikjara li hu marid.
Il-Maġistrat maqdret l-“atteġġjament ta’ bravura u nuqqas ta’ rispett għall-awtorità tal-Qorti”, meta hu kien b’saħħtu biżżejjed biex imur il-Karnival f’Għawdex waqt li allegatament kien “marid wisq” biex jiffirma l-għassa.
Il-qorti kkundannat lil Rachid għal sentejn ħabs sospiżi għal tliet snin kif ukoll multa ta’ €1,500.
Il-qorti ordnat ukoll li jerġa’ jiġi arrestat immedjatament b’rabta ma’ każijiet kriminali pendenti fil-konfront tiegħu u ħarġet ordni ta’ protezzjoni ta’ tliet snin favur il-vittma.
L-avukati Jose Herrera u Martina Herrera dehru għall-akkużat.
