Raġel jeħel seba’ snin ħabs wara li b’daqqa ħalla ieħor għami minn għajn waħda
Il-Qorti qalet li l-vittma, Paul Mifsud, deher bħala il-“ħaruf tas-sagrifiċċju” tal-imputat Saviour Caruana. L-imġiba ta’ Caruana u tal-familja tiegħu ġiet deskritta bħala “mistħija, kundannabbli u ta’ stmerrija”, u l-Qorti ordnat ukoll multa ta’ €10,000 u ordni ta’ trażżin ta’ tliet snin favur il-vittma
minn Ħaley Xuereb
Saviour Caruana ġie kkundannat seba’ snin priġunerija wara li daqqa ta’ ponn tiegħu ħalliet lil Paul Mifsud agħmi minn għajn waħda. Il-ġlieda seħħet f’ristorant l-Imġarr waqt li ż-żewġ familji kienu qiegħdin jieklu.
Saviour Caruana ġie akkużat li mingħajr il-ħsieb li joqtlu kkaġuna ħsara gravi fis-saħħa ta’ Paul Mifsud, kif ukoll li volontarjament kiser il-bon ordni u l-paċi pubblika b’għajjat u ġlied.
Il-fatti li wasslu għall-inċident
L-inċident seħħ waqt ikla f'ristorant l-Mġarr meta ż-żewġ familji nzertaw qed jieklu fuq imwejjed qrib ta’ xulxin.
Il-familja Mifsud, ossija il-familja tal-vittma, spjegat li l-mejda tal-imputat Saviour Caruana kienet qed tagħmel ħafna storbju, ċajt, u tuża kliem baxx u dagħa.
Qabel ma eskalat is-sitwazzjoni, dawk fuq il-mejda ta' Caruana “ordnaw biċċa kejk tal-happy birthday u kantaw happy birthday” lil Anton, l-għarus ta’ bint il-vittma, avolja ma kienx għeluq sninu, minħabba li kienu jafuh peress li kollha kienu mill-istess raħal. Minkejja li l-familja Mifsud għall-ewwel ħadu kollox “biċ-ċajt”, l-atmosfera tant saret insapportabbli li l-familja Mifsud iddeċidiet li ma tkomplix tiekol hemmhekk u talbet li t-tieni platt jeħduh take-away.
Waqt li l-vittma Paul Mifsud kien qed iħallas mal-bar u kien se jidħol fit-toilet, l-imputat daħal minn barra b'rabja kbira. Mifsud xehed li sab lil Saviour Caruana li mingħajr ma kellmu xejn xejjirlu daqqa ta’ ponn f’għajnejh. Mart il-vittma, Jane Mifsud, ikkonfermat li rat lill-imputat dieħel “irrabjat qisu” u tah d-daqqa minnufih.
Bint l-imputat stess, Clauzia Caruana, kienet qed tibgħat il-messaġġi lil Yanika Mifsud (bint il-vittma) waqt li kienu għadhom fuq il-mejda. F'dawn il-messaġġi, Clauzia kienet qed tgerger u tikkummenta dwar id-“diskors baxx li beda jsir fuq il-mejda ta’ Caruana”. Minkejja li kienet qed tistmerr l-imġiba tal-familja tagħha stess f'dak il-mument, aktar tard hija dehret fuq is-CCTV “timbotta lil mart Mifsud” u tagħti daqqiet fuq dirgħajn il-vittma.
Il-konsegwenzi tad-daqqa u l-ġlieda ta’ wara
Id-daqqa kienet tant qawwija li fix-xhieda tagħha, bint il-vittma qalet li d-demm beda “jispara” minn għajn il-vittma bħallikieku kien ilma.
Wara l-attakk, inqala’ “rebus” u “geġwiġija” sħiħa fir-ristorant. Il-familja Mifsud daħħlu lill-vittma fil-kamra tal-banju u ssakkru ġewwa biex jipproteġuh. Minkejja dan, il-familja tal-imputat baqgħet agressiva, fejn bdew isabbtu mal-bieb u jgħajtu b'leħen femminili: “issa oħorġu minn hemm jekk int bully”.
Is-sidien tar-ristorant xeħdu li l-familja Caruana bdiet titfa’ t-tazzi u l-ħġieġ lejn il-bieb tal-kamra tal-banju, tant li wieħed mis-sidien kellu jieħu “flixkun tar-Rocchetta tal-ħġieġ” minn id waħda mit-tfajliet biex ma tgarahx.
Sabrina Mifsud, bint il-vittma, irrakkontat kif waqt li kienet qed taħrab mar-raġel u t-tfal lejn il-karozza f'paniku kbir, indunat li kienet ħalliet il-handbag warajha. Minkejja li r-ristorant kien sar “rebus” u kulħadd kien qed jiġġieled, hija ddeċidiet li terġa' tidħol ġewwa biex iġġib il-handbag u l-mobile. Kien f’dan il-mument li membru tal-istaff saqsieha jekk hijiex it-tifla tal-vittma, u kif ikkonfermatlu, qalilha biex tidħol fil-kamra tal-banju u sakkarha hemm biex jipproteġiha.
It-tifla l-oħra tal-vittma, Yanika, xedhet li missierha, tant kien imwerwer, li anke tilef kull kontroll fuq il-funzjonijiet naturali tiegħu
In-natura tal-ġrieħi
Is-Surġent Melvin Gouder spjega li din kienet “injury severa, estrema” u li l-għajn ġiet “mgħaffġa kompletament”. It-tabib iddikjara li de facto l-għajn intilfet, bi trawma tant severa li l-għajn ma kienx fadlilha forma ta’ għajn.
Il-vittma tilef id-dawl minn għajn waħda b’mod permanenti.
Il-filmati tac-CCTV
Fl-analiżi frame-by-frame li għamlet il-Qorti, rat filmati li wrew l-imputat dieħel b’rabja “with purpose” lejn ir-restorant. Paul Mifsud, il-vittma, deher kalm u passiv f’kull mument, tant li l-Qorti ddeskrivietu b’“passività assoluta” u “self-control tant b’mod assolut”.
Il-filmati wrew ukoll lil id l-imputat magħluqa f’ponn merfugħ ‘il fuq, lesta biex issawwat lil Mifsud.
Il-vittma bħala ħaruf tas-sagrifiċċju
Il-Qorti ma tat l-ebda kredibbiltà lill-verżjoni tal-imputat, li fl-interrogatorju tiegħu wieġeb b'mod evażiv meta mistoqsi jekk daħalx fl-argument.
Meta l-Ispettur urieh il-filmat tiegħu jagħti d-daqqa u staqsieh jekk kienx involut, huwa wieġeb sempliċiment: “Ma nafx”. Meta mistoqsi jekk kienx xurban (“naqra mlaħlaħ”), huwa qal: “Ma jidhirlix li kont hekk”. Anke meta mistoqsi dwar id-daqqiet li rċieva hu stess, huwa baqa' fuq l-istess riga: “Ma nafx ta, għax kont muġugħ”.
Il-Qorti nnutat b’dispjaċir li l-familja tal-imputat ippruvat tgħatti l-għemil tiegħu b’verżjonijiet inkonsistenti.
Il-Qorti qabblet lil Mifsud ma’ ħaruf tas-sagrifiċċju meta qalet li “Mifsud deher ġwejjef bħal ħaruf li sfortunatament a skapitu tal-imputat safa tassew bħala l-ħaruf tas-sagrifiċċju meta minħabba l-azzjoni inumana anzi annimaleska ta’ Caruana, tilef l-vista minn għajnejh.”.
Il-Maġistrat faħħret l-aġir ta' Mifsud bħala “bonus pater familias” filwaqt li kkundannat l-imġiba ta’ Caruana u familtu bħala waħda ta’ “mistħija, kundannabbli u ta’ stmerrija”, billi kkwotat il-qawl Malti: “skond iz-zokk il-fergħa”.
Il-Piena
Fid-determinazzjoni tal-piena, il-Qorti kkunsidrat il-gravità tar-reat u l-konsegwenzi permanenti li ħalla. Ikkunsidrat li ma kinitx l-ewwel darba li l-imputat xellef difru mal-liġi, u rat ukoll li ma wera l-ebda rimors.
Il-Qorti nnutat ukoll l-atteġjament “menefregista u inċivili” tal-imputat matul il-proċess, inkluż l-attentati tiegħu biex itawwal il-proċeduri inutilment.
Il-Qorti fakkret li fil-każijiet ta’ vjolenza fuq il-persuna, il-piena għandha tkun dejjem dik ta’ “priġunerija b’effett immedjat” biex jintbagħat messaġġ ċar lis-soċjetà li l-arroganza u l-prepotenza mhumiex ittollerati.
Id-deċiżjoni finali
Il-Qorti sabet lil Saviour Caruana ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u kkundannatu għal seba’ snin priġunerija.
Il-qorti kkummentat li l-ebda ammont ta’ flus mhuma se jagħtu l-vista lura lill-vittma, u għalhekk ordnatlu jħallas il-massimu permessibbli mil-liġi f’dan il-każ, dak ta’ €10,000 ewro.
Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ trażżin favur il-vittma għal żmien ta’ tliet snin.
Il-Maġistrat Donatello Frendo Dimech temmet għid li s-soċjetà trid taborixxi dawn it-tip ta’ reati, u li l-vjolenza fiżika għandha dejjem iġġib magħha priġunerija b’effett immedja
