Żagħżugħ ta’ 18-il sena arrestat fl-għassa tal-Mosta wara ġlieda fil-Belt il-Ħadd tal-Karnival

Akkużat li kkawża ġrieħi gravi, ksur tal-paċi pubblika u ksur ta’ erba’ digrieti tal-libertà proviżorja

Sheldon Micallef, ta’ 18-il sena mill-Mosta, ġie arrestat it-Tnejn filgħodu għal ħabta tad-9am meta mar jiffirma l-ktieb tal-pleġġ fl-għassa tal-lokalità.

Fil-Qorti huwa ġie akkużat li l-Ħadd filgħaxija kkawża ġrieħi ta’ natura gravi fuq żagħżugħ ieħor waqt inċident fil-Belt Valletta, kif ukoll li kiser il-paċi pubblika. Huwa ffaċċja wkoll akkużi separati ta’ ksur ta’ erba’ digrieti ta’ libertà proviżorja imposti fuqu.

Micallef wieġeb mhux ħati għall-akkużi.

Il-vittma sostna li Micallef tah diversi daqqiet bil-ponn li wassluh biex isofri ġrieħi gravi f’wiċċu. Min-naħa tiegħu, l-imputat qal li kien hemm dettalji nieqsa mill-verżjoni mogħtija mill-vittma lill-pulizija. 

Il-proskuzzjoni qalet li Micallef li kkollabora bis-sħiħ mal-investigazzjoni. Qalet li l-filmati ta’ CCTV fl-akwati verament kkonfermaw li Micallef avviċina lill-vittma l-ewwel, iżda kien il-vittma li ta l-ewwel daqqa. Micallef ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief. 

Il-parti l-oħra wkoll mistennija titressaq il-Qorti taħt akkużi kriminali b’rabta mal-każ.

Il-prosekuzzjoni sostniet li l-inċident seta’ faċilment jiġi evitat u beda meta Micallef avviċina lill-vittma, staqsieh jekk kellux xi ħaġa kontrih u kompla jipprovokah bil-kliem.

Id-difiża qalet li omm Micallef irċeviet diversi telefonati ta’ theddid mill-ħbieb tal-vittma, fejn  l-imputat allegatament ġie mhedded li “se jaqilgħulu għajnejh”.Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba l-biża’ ta’ intralċ tal-provi u l-fatt li mill-2024 ‘l hawn Micallef diġà kiser diversi drabi l-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja.

Id-deċiżjoni dwar il-libertà proviżorja mistennija tingħata kameralment.

Għal Micallef deher l-Avukat Nicholas Mifsud filwaqt li l-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Kristina Bartolo mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispettur Elisia Scicluna.

More in Qrati u Pulizija