Mara li tilfet waħda minn dirgħajha waqt prova ta' adozzjoni tressaq kawża fuq “nuqqasijiet sistemiċi” fl-Animal Welfare

Skont il-verżjoni ppreżentata, il-kelb l-ewwel gidem il-pet l-ieħor tal-koppja mingħajr provokazzjoni u mbagħad dar fuq Falzon, fejn attakkaha b’mod vjolenti.

Mara li f’Ġunju tal-2024 tilfet dirgħajha tax-xellug tagħha wara li ġiet attakkata minn kelba waqt prova ta' adozzjoni ressqet ittra ġudizzjarja kontra l-awtoritajiet, fejn qed tallega “nuqqasijiet sistemiċi” fl-operat tal-Animal Welfare u qed titlob kumpens.

Elisa Falzon kienet ġiet attakkata mill-kelb ftit wara li hi u żewġha ħaduh id-dar tagħhom mill-Animal Welfare. Skont l-ittra ġudizzjarja ppreżentata lbieraħ, l-attakk ħalla lil Falzon f’kundizzjoni ta’ periklu għall-ħajja u wassal biex tilfet b’mod permanenti d-driegħ tax-xellug tagħha.L-ittra tgħid ukoll li Falzon sofriet ġrieħi serji f’driegħha tal-lemin, ħsarat fiżiċi oħra, trawma psikoloġika u diżabilità permanenti. Il-kelb kien ġie deskritt lill-koppja bħala “kalm u ġentili”.

Falzon qed iżżomm responsabbli b’mod konġunt uffiċjali għolja tal-Animal Welfare, lill-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo, lis-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said, kif ukoll lill-Avukat tal-Istat. Skont l-avukati tagħha, dawn huma responsabbli għal nuqqasijiet serji u sistemiċi fil-mod kif jaħdem ix-xelter.

L-ittra ġudizzjarja tindika li l-adozzjoni kienet għadha ma ġietx finalizzata, u għalhekk il-kelb baqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Animal Welfare. L-avukati qed jallegaw li l-awtoritajiet naqsu milli jagħmlu valutazzjoni xierqa tal-imġiba tal-annimal qabel poġġewh mal-koppja, u minflok ippromovewh bħala kelb kalm u sigur. Skont il-verżjoni ppreżentata, il-kelb l-ewwel gidem il-pet l-ieħor tal-koppja mingħajr provokazzjoni u mbagħad dar fuq Falzon, fejn attakkaha b’mod vjolenti.

L-avukati ta’ Falzon irreferrew ukoll għal rapport riċenti mill-Kummissarju għall-Benesseri tal-Annimali, Fleur Abela, li esprima tħassib serju dwar il-kundizzjonijiet u n-nuqqasijiet fix-xelter tal-Għammieri. Ir-rapport, li kien jinkludi wkoll il-proposta kontroversjali biex 20 kelb tat-tip “bully” jiġu trasferiti lejn l-Italja, enfasizza nuqqas ta’ behaviourists u trainers kwalifikati u talab li dawn jiġu rreklutati b’urġenza.

Għalkemm ir-rapport ġie ppubblikat madwar 18-il xahar wara l-attakk, it-tim legali ta’ Falzon qed jargumenta li l-problemi identifikati kienu diġà jeżistu u li l-awtoritajiet naqsu milli jieħdu passi konkreti biex jindirizzawhom, bi ksur tal-obbligi legali u amministrattivi tagħhom. L-ittra ġudizzjarja qed titlob li l-kumpens jitħallas fi żmien ħamest ijiem sabiex tiġi evitata kawża fil-qrati.Min-naħa tagħha, il-Ministeru għad-

Drittijiet tal-Annimali qal li ma jaqbilx mat-talbiet ta’ Falzon u li se jindirizza l-kwistjoni permezz tal-proċessi legali xierqa.

Falzon qed tiġi rrappreżentata mill-avukati Alessia Zammit McKeon u Massimo Vella

More in Qrati u Pulizija