Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Antoine Agius Bonniċi, ivvalidat l-arrest ta’ Denzel Farrugia ta’ 20 sena mill-Gżira u ċaħdet it-talba tiegħu għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu, wara li semgħet l-argumenti tad-difiża u tal-prosekuzzjoni.
Farrugia ġie arrestat ilbieraħ għall-ħabta tat-2.00pm fil-Gżira, wara li l-Pulizija kienet diġà qed twettaq investigazzjoni relatata ma’ argument li seħħ il-Ħadd 8 ta’ Frar fi Triq Sir Charles Cameron, fil-Gżira. F’dan l-argument ndarab raġel ta’ 30 sena u ġarrbu ħsarat diversi vetturi.
Skont stqarrija tal-Pulizija, għall-ħabta tad-9.00pm tal-Ħadd filgħaxija, l-awtoritajiet ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħhom minħabba argument li fih kienu involuti numru ta’ persuni. Meta l-Pulizija waslet fuq il-post sabet raġel midrub, li ttieħed l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Wara tfittxijiet fl-akwati, tliet irġiel li allegatament kienu involuti fl-argument ġew arrestati.
Denzel Farrugia
Fil-każ ta’ Farrugia, id-difiża, immexxija mill-Avukat Charles Mercieca, ikkontestat il-validità tal-arrest, sostniet li l-akkużat kien qed jiġi mixli b’akkużi li dwarhom ma kienx ġie interrogat.
Min-naħa tagħha, il-prosekuzzjoni, flimkien mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, argumentat li fil-jiem ta’ wara l-arrest ġew akkwistati filmati ġodda li jitfgħu dawl aktar ċar fuq il-każ u li jsaħħu l-pożizzjoni tal-Pulizija.
Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti ddeċidiet li tivvalida l-arrest ta’ Farrugia.
Id-difiża sussegwentement ressqet talba għall-ħelsien mill-arrest, li ġiet opposta mill-prosekuzzjoni. Il-Qorti, wara li evalwat iċ-ċirkostanzi kollha, inkluż in-natura tal-allegat reat u r-riskju ta’ tfixkil fl-investigazzjonijiet, ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.