Żagħżugħ mixli wara li allegatament poġġa sikkina ma’ għonq in-nanna f’Ħal Tarxien

Żagħżugħ ta’ 19-il sena tressaq il-Qorti wara allegat każ ta’ vjolenza domestika f’Ħal Tarxien, fejn hu akkużat li hedded lin-nanna tiegħu b’sikkina fil-preżenza ta’ tifel ta’ sitt snin

Żagħżugħ ta’ 19-il sena tressaq il-Qorti wara allegat każ ta’ vjolenza domestika li seħħ f’Ħal Tarxien, fejn allegatament żamm sikkina ma’ għonq in-nanna tiegħu fil-preżenza ta’ tifel ta’ sitt snin.

Il-Qorti semgħet kif l-inċident seħħ nhar l-Ħamis għall-ħabta tas-6.00pm, meta l-pulizija ġiet imsejħa f’residenza f’Ħal Tarxien wara rapport li kien jinvolvi liż-żagħżugħ, lil ommu u lin-nanna tiegħu. In-nanna aktar tard għamlet rapport ta’ vjolenza domestika, fejn allegat li n-neputi għandu vizzju tal-kannabis u spiss jipprovoka lill-membri tal-familja tiegħu biex jitlob il-flus.

Skont dak ippreżentat fil-Qorti, f’din l-okkażjoni ż-żagħżugħ allegatament ġiegħel lin-nanna ċċempel lil ommu permezz ta’ video call sabiex jitlobha l-flus. L-omm qaltlu li kienet lesta tagħtih il-flus, iżda talbitu jmur jiġborhom mil-Belt, hekk kif ma setgħetx tibgħathomlu b’mod elettroniku.

Il-Qorti semgħet li l-akkużat ma riedx imur jiġbor il-flus u kien f’dan il-mument li s-sitwazzjoni eskalat. Il-prosekuzzjoni allegat li ż-żagħżugħ qabad sikkina u poġġieha ma’ għonq in-nanna tiegħu, filwaqt li hedded u offenda kemm lilha kif ukoll lil ommu. L-ispettur iddeskriva l-inċident bħala wieħed ta' tkexkix. Tifel ta’ sitt snin kien preżenti waqt l-allegat inċident.

Fil-qorti, id-difiża talbet li jsir rapport ta’ qabel is-sentenza. Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba, u l-Qorti laqgħetha. F’dan l-istadju, l-akkużat baqa’ taħt arrest.

Għall-akużat dehret l-avukat Martina Herrera.

More in Qrati u Pulizija