Nicky Falzon, ta’ 27 sena mill-Mellieħa, u Daniela Spiteri, ta’ 43 sena minn San Ġiljan, instabu ħatja ta’ żewġ serqiet li seħħew f’Settembru li għadda. It-tnejn kienu mixlija wkoll li kienu jgħixu ħajja ta’ vagabondaġġ u għażż.
Il-qorti semgħet kif għall-ħabta tal-4.15pm, il-vittma rrapportat lill-pulizija tas-Sliema li l-handbag tagħha kien insteraq waqt li kienet qed tgħum. Il-mara kienet marret għall-għawma tas-soltu għall-ħabta tas-2.15pm, u ħalliet il- basket tagħha fuq ix-xatt. Meta reġgħet lura, sabet li l-handbag, li fih kien hemm il-mobile phone u ċ-ċwievet tal-karozza, kien sparixxa.
Permezz ta’ mobile ta’ persuna oħra, il-vittma kkuntattjat lil bintha u flimkien marru fil-parkeġġ, fejn innutaw li għalkemm il-bibien tal-karozza ma kinux miftuħin, il-vettura ma kinitx iżjed imsakkra. Handbag oħra li kienet tħalliet fuq is-sedil kienet ukoll nieqsa.
Wara li rrevediet filmati tas-CCTV mill-parkeġġ tal-Marina Creek, il-pulizija osservat raġel u mara jidħlu fil-karozza tal-vittma. Għalkemm wiċċhom ma kienx jidher b’mod ċar, il-ħwejjeġ tagħhom kienu jaqblu ma’ dawk li kienu lebsin l-akkużati meta ġew arrestati: ir-raġel liebes qmis bajda u b’backpack distintiv, u l-mara liebsa iswed b’żarbun abjad.
Waqt tfittxija fuq Spiteri, il-pulizija sabet il-mobile tal-vittma, il-cover tiegħu u par nuċċali tax-xemx fil-basket tagħha. Il-mobile kien mitfi u moħbi.
Il-qorti ċaħdet l-argument tad-difiża li ma kienx hemm prova diretta li torbot lill-akkużati mas-serq tal-ewwel baskett mix-xatt. Minkejja li ħadd ma ra s-serq u li ma kienx hemm CCTV li jaqbad il-mument eżatt, il-qorti qagħdet fuq evidenza ċirkostanzjali u l-prinċipju legali ta’ “recent possession”.
Il-maġistrat osservat li l-akkużati nstabu fil-pussess ta’ oġġetti misruqa ftit wara r-reat u naqsu milli jipprovdu spjegazzjoni kredibbli dwar kif ġew fil-pussess tagħhom.
Il-qorti ċaħdet ukoll it-talba li l-prosekuzzjoni ma ppruvatx li l-vettura nfetħet permezz taċ-ċavetta misruqa. L-evidenza wriet li ċ-ċavetta kienet fl-ewwel basket u li l-karozza kienet imsakkra qabel il-vittma marret tgħum. Peress li ma nstabet l-ebda ħsara fuq il-vettura, il-qorti kkonkludiet li nfetħet bl-użu taċ-ċavetta misruqa.
Il-valur totali tal-oġġetti misruqa kien stmat għal madwar €300, li jaqbeż il-limitu legali meħtieġ biex ir-reat jiġi kkwalifikat skont il-valur.
Fir-rigward tar-reċidiviżmu, il-qorti nnutat li Spiteri għandha fedina penali estensiva b’12-il kundanna preċedenti, l-aktar relatati ma’ serq. Hija kienet ingħatat probation orders, conditional discharges u sentenza sospiża fil-passat, iżda kompliet tikser il-liġi. Fl-2023, il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet ikkundannatha sentejn ħabs wara li kisret probation order.
Falzon għandu tliet kundanni preċedenti: waħda relatata ma’ pussess sempliċi ta’ droga u tnejn marbuta ma’ reati tat-traffiku. Il-qorti kkonfermat ukoll ir-reċidiviżmu fil-każ tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet ġenerali tal-liġi.
Falzon ġie kkundannat sentejn priġunerija, b’tnaqqis tal-perjodu diġà mqatta’ taħt arrest preventiv, filwaqt li Spiteri ġiet ikkundannata tliet snin priġunerija, ukoll b’deduzzjoni tal-arrest preventiv.
It-tnejn instabu ħatja tas-serq u tal-akkuża ta’ vagabondaġġ.
Il-kawża kienet ippreseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia, filwaqt li l-Ispettur Charlon Borg mexxa l-prosekuzzjoni.