Ir-raġel qajjem lill-mara f’nofs ta’ lejl u akkużaha li kienet qed tqarraq bih. Kien dan il-ħin li talabha ġġib sikkina biex toqtol lilha nnifisha.
L-akkużat, resident ġewwa Birżebbuġa, ġie akkużat li uża vjolenza morali kontra martu fil-preżenza ta’ binhom minuri.
Huwa kien akkużat ukoll li kkawża lill-martu biża’ li kienet se tintuża vjolenza kontriha, li weġġagħha ħafif f’inċident li seħħ fit-30 ta’ Diċembru, kif ukoll li heddidha u nsulentaha. Huwa kien akkużat ukoll b’reċidiva.
Ir-raġel wieġeb ħati kontra l-akkużi miġjuba kontrih.
Huwa mifhum li r-raġel qajjem lill-mara f’nofs ta’ lejl u akkużaha li kienet qed tqarraq bih, fejn hu għajjat u talabha ġġib sikkina biex toqtol lilha nnifisha. Il-vittma ħbiet is-sikkina taħt is-sodda fejn l-akkużat mar jorqod.
L-għada filgħodu, il-mara marret ix-xogħol u meta rritornat, ir-raġel reġa’ attakkaha quddiem binhom u oħt l-akkużat, fejn hi marret tagħmel rapport l-għassa.
Fil-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti, qieset is-sottomissjonijiet tal-prosekuzzjoni li sentenza sospiża tkun aktar xierqa f’dan il-każ, kif ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara. Qieset ukoll il-fedina penali kienet waħda kważi netta, ħlief għal reat tat-traffiku.
Il-qorti tat lir-raġel sentenza ta’ sentejn ħabs, sospiża għal erba’ snin. Ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni għal tliet snin favur il-mara.
Huwa ġie lliberat mill-akkuża ta’ reċidiva wara li ma tressqitx prova relatata ma’ dik l-akkuża fil-qorti.
Maġistrata Tanya Sammut ippresediet fuq is-seduta.
L-Ispettur Christian Cauchi mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li avukata Anthea Bonnici Zammit dehret għall-mara flimkien mal-prokuratur legali Paul Camilleri. Avukata Sarah Ciliberti assistiet lill-akkużat bħala għajnuna legali.