“Qiegħed ma’ martek”: Il-Qorti tilqa’ ħelsien mill-arrest lil tnejn fuq ġlieda ġewwa ristorant Birżebbuġa

Il-Qorti laqgħet talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ kok ta’ 31 sena akkużat li gara platt lejn raġel ieħor waqt argument fuq l-eks-mara tal-vittma

Nhar l-Erbgħa l-Qorti laqgħet talba għall-ħelsien mill-arrest lil raġel ta’ 31 sena li gara platt lejn raġel ta’ 43 sena fuq argument dwar l-eks-mara tal-vittma.

Koyes Ahmed, raġel ta’ 31 sena, kok residenti f’Pietà, ġie arrestat wara argument li wassal għal ġrieħi gravi fil-post tax-xogħol tiegħu. 

Il-każ beda b’telefonata li waslet lill-pulizija, nhar it-10 ta’ Frar minn ristorant f’Birżebbuġa. Skont ir-rapport, kien hemm argument bejn Ahmed u Fenech li eskala meta Fenech ħebb għall-imputat b’sikkina, fejn Ahmed allegatament ta daqqa ta’ platt lil Fenech. Xhieda stqarret li rat raġel bis-sikkina fil-kċina. 

Fenech mar l-għassa ta’ Birżebbuġa b’feriti gravi fejn hemm il-pulizija ċemplu ambulanza u ġie arrestat ftit wara. 

Skont id-diviża, Ahmed allegatament instiga l-aggressjoni li wasslet biex Fenech iħebb għalih b’sikkina fuq il-post tax-xogħol, minħabba li kien jibgħat lil Fenech messaġġi sensittivi fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu li qiegħed fis-sodda ma’ martu, fil-verita l-eks-mara tiegħu. 

Id-diviża stqarret li Fenech għamel sitt rapporti, imma dawn allegatament ma ttieħdux. 

Ahmed u Fenech ddikjaraw li mhumiex ħatja fil-Qorti. 

Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest lit-tnejn. Ahmed huwa meħtieġ li jiffirma l-għassa tal-Marsa nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa bejn is-sitta ta’ filgħodu u nofsillejl. Il-Qorti ordnat ukoll depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Bl-istess kundizzjonijiet, Fenech irid jiffirma l-għassa ta’ Ħal Qormi nhar ta’ Tlieta u Ġimgħa bejn is-sitta ta’ filgħodu u t-tmienja ta’ filgħaxija.

Għalhekk, il-Qorti ordnat żewġ ordnijiet ta’ protezzjoni attivi, wieħed favur Fenech u ieħor favur Ahmed.  

Maġistrata Monica Vella ppresediet fuq is-seduta. 

Il-prosekuzzjoni ġiet immexxija mill-Ispettur Antonello Magri flimkien ma’ Joseph Camilleri Azarov u Celine Fenech mill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Difensuri Franco Debono u Adreana Zammit dehru għal Fenech, filwaqt li Yanica Barbara Sant irrappreżentat lil Ahmed.

More in Qrati u Pulizija