L-Ewwel Sala tal-Qorti Ċivili ddikjarat invalida r-reġistrazzjoni Maltija tat-trademark tat-tabakk Business Royals, wara li sabet li din toħloq riskju serju ta’ konfużjoni mal-marka Royals, li ilha marbuta ma’ Rothmans ta’ Pall Mall Limited għal għexieren ta’ snin.
Id-deċiżjoni ngħatat mill-Imħallef Ian Spiteri Bailey f’kawża mressqa minn Rothmans kontra l-kumpanija Pollakka Marpoint spółka z ograniczoną odpowiedzialnością, li kienet sid it-trademark ikkontestata.
Il-qorti qablet mal-argument ta’ Rothmans li t-trademark numru 58934 kienet qed tieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni stabbilita tal-marka Royals u li setgħet tqarraq jew tħawwad lill-konsumaturi, speċjalment peress li ż-żewġ marki jirrigwardaw prodotti tat-tabakk.
Rothmans, parti mill-grupp British American Tobacco, spjegat li l-prodott Royals ilu jinbiegħ f’Malta mill-aħħar tas-snin sittin, b’reġistrazzjonijiet li jmorru lura għall-1966 u l-1969, u li l-marka hija rikonoxxuta bħala waħda “well-known” taħt il-Konvenzjoni ta’ Pariġi. Il-kumpanija ppreżentat evidenza estensiva, fosthom data dwar il-bejgħ, kampanji promozzjonali fit-tul, stħarriġ tal-konsumaturi u dokumentazzjoni uffiċjali mir-reġistri tat-trademarks.
It-trademark Business Royals kienet applikata f’Malta f’Jannar tal-2019 minn International Tobacco plc, kumpanija rreġistrata fir-Renju Unit. Ir-reġistrazzjoni kienet tkopri sigaretti, apparat elettroniku tat-tip vaping, prodotti tat-tabakk u affarijiet relatati. Il-marka ġiet irreġistrata fl-2022 u aktar tard ittrasferita lil Marpoint.
Il-qorti nnutat li f’dak il-perjodu, kemm International Tobacco plc kif ukoll Marpoint kienu taħt il-kontroll ta’ Sergio Calleja Sr u ibnu, Sergio Calleja Jr. Rothmans sostniet li dawn il-mossi kienu parti minn strateġija biex japprofittaw mir-reputazzjoni kummerċjali ta’ Royals, u semmiet ukoll każ preċedenti ta’ merkanzija simili li kienet inqabdet mid-Dwana fil-Freeport ta’ Marsaxlokk fl-2018.
Fil-proċeduri xehed ukoll Clinton Bajada, Country Manager ta’ BAT Malta, li kkonferma li s-sigaretti Royals ilhom jinbiegħu kontinwament f’Malta u Għawdex mill-1969, b’aktar minn 56 miljun unità mibjugħa fl-2022 biss. Stħarriġ imwettaq minn Misco fl-2009 u fl-2021 ikkonferma r-rikonoxximent qawwi tal-marka fost il-pubbliku Malti.
Marpoint ma ressqitx risposta fil-kawża u nstabet inadempjenti. Is-smigħ tax-xhieda sar f’Diċembru 2024 u Ġunju 2025, filwaqt li l-argumenti finali ġew ippreżentati f’Ottubru 2025.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Spiteri Bailey applika l-artikoli 6(1)(b) u 6(3)(a) tal-Att dwar it-Trademarks, li jipprojbixxu reġistrazzjonijiet li jistgħu joħolqu konfużjoni ma’ marki preċedenti jew jieħdu vantaġġ mir-reputazzjoni tagħhom. Huwa identifika l-kelma “Royals” bħala l-element distintiv ewlieni u kkonkluda li teżisti probabbiltà ċara ta’ assoċjazzjoni u konfużjoni.
Konsegwentement, it-trademark Business Royals ġiet iddikjarata invalida u ordnata titneħħa immedjatament mir-reġistru Malti. Marpoint ġiet ikkundannata tħallas l-ispejjeż tal-proċeduri, u r-Reġistratur tal-Qrati ġie ordnat jinforma lill-Kontrollur tal-Propjetà Intellettwali biex titħassar ir-reġistrazzjoni.