Qorti tħassar avviż tal-VAT ta’ €8.39 miljun kontra sottokuntrattur tal-Vitals

Il-Qorti tgħid li l-Kummissarju tat-Taxxi ma mexxiex ma' proċeduri legali u uża l-avviż b'mod skorett

Il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, preseduta mill-Imħallef Henri Mizzi, iddikjarat null u irregolari avviż maħruġ mill-Kummissarju tat-Taxxi kontra Shapoorji Pallonji (Malta) Limited, li kien jitlob il-ħlas ta’ €8,394,294.94 rappreżentanti VAT, penali u imgħax relatati ma’ perjodu bejn l-1 ta’ Marzu 2015 u l-1 ta’ Awwissu 2020.

Il-kawża kienet infetħet fit-22 ta’ Marzu 2021, wara avviż datat 16 ta’ Frar 2021. Il-kumpanija talbet li l-avviż jiġi ddikjarat null u li ma jikkostitwixxix titolu eżekuttiv, fost oħrajn għax sostniet li l-Kummissarju ma eżerċitax id-diskrezzjoni tiegħu b’mod raġonevoli u li d-dejn mitlub ma kienx “ċert, likwidu u dovut”.

Skont l-atti ppreżentati, Shapoorji qalet li kienet involuta f’ftehim relatat mad-disinn u l-kostruzzjoni ta’ proġetti fl-Isptar San Luqa, l-Isptar Karin Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u li bejn April 2017 u Jannar 2018 ħarġet tnax-il “Request for Payment” lil Vitals. Il-kumpanija argumentat ukoll li l-ewwel “RFP”, li kienet tirreferi għal ammont ta’ €25 miljun bħala “security deposit/advance”, ma kinitx ħlas għal servizzi u sostniet li anke qatt ma rċeviet dak l-ammont.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tat-Taxxi wieġeb li l-bażi tar-rikors kienet falza għax sostna li kien inħareġ “notice of assessment” skont l-artikolu 32 tal-Kap. 406 fis-26 ta’ Awwissu 2020 fl-istess ammont ta’ €8,394,294.94, u li din intbagħtet b’posta reġistrata f’indirizz f’Sliema iżda ġiet irritornata bħala “unclaimed”. Huwa qal li għalhekk saru pubblikazzjonijiet fil-Gazzetta tal-Gvern u f’ġurnal ta’ kuljum, u li Shapoorji ma appellatx dik l-istima quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva.

Il-Qorti għamlet distinzjoni bejn avviż ta’ ħlas ibbażat fuq denunzja aċċettata u avviż ibbażat fuq stima tal-Kummissarju, u sostniet li meta l-Kummissarju jkun qed ifittex taxxa li tmur lil hinn minn dak iddikjarat mid-denunzji, ikun obbligat isegwi l-proċedura tal-artikoli 31 jew 32 qabel joħroġ avviż taħt l-artikolu 59.

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti qalet li fil-każ preżenti “jirriżulta li saret biss stima finali” u li “qatt ma saret l-istima proviżorja” meħtieġa. Il-Qorti żiedet li, anke jekk wieħed jassumi li l-istima nħarġet skont il-liġi, xorta ma kienx jirriżulta li ġiet validament innotifikata, u li l-proċedura ta’ pubblikazzjoni hija mezz eċċezzjonali li ma kellux jintuża kif intuża f’dan il-każ.

Għaldaqstant, il-Qorti ddikjarat li l-avviż tal-16 ta’ Frar 2021 huwa null u ma jikkostitwixxix titolu eżekuttiv kontra Shapoorji Pallonji (Malta) Limited, u ordnat li l-ispejjeż tal-kawża jitħallsu mill-Kummissarju. Id-deċiżjoni ngħatat nhar is-6 ta’ Frar 2026.

More in Qrati u Pulizija