Psikjatri jixhdu li Abner Aquilina mhuwiex fi stat ta’ ġenn

Tliet psikjatri xehdu fil-qorti li Abner Aquilina mhuwiex fi stat ta’ ġenn u huwa kapaċi jiffaċċja proċess quddiem il-qorti, b’konsegwenza li ġuri dwar l-istat mentali tiegħu, li kien skedat għal nhar it-Tnejn, ġie kkanċellat

Il-qorti it-Tnejn filgħodu semgħet ix-xhieda ta’ tliet psikjatri fil-każ kontra Abner Aquilina, li jinsab mixli bil-qtil ta’ Paulina Dembska, dwar l-istat mentali tiegħu u l-kapaċità li jiffaċċja l-proċeduri legali.

Il-psikjatri Joe Cassar, George Debono u Anton Grech ikkonkludew li Aquilina mhuwiex fi stat ta’ ġenn u jinsab f’kundizzjoni mentali stabbli li tippermettilu jifhem in-natura u l-konsegwenzi tal-akkużi kontrih. Skont ix-xhieda tagħhom, l-imputat huwa tajjeb biex jiffaċċja ġuri quddiem il-qorti.

Kien għal dan il-għan li kien skedat ġurin, proċedura legali li tixbah lil ġuri iżda li tkun limitata sabiex tiddeċiedi esklussivament jekk akkużat huwiex legalment fi stat ta’ ġenn u jekk meta ġara l-omiċidju kienx fi stat li jifforma l-intenzjoni kriminali.  Madankollu, fid-dawl tal-konklużjonijiet tal-psikjatri, il-ġurin li kien mistenni jibda nhar it-Tnejn li ġej ġie kkanċellat. 

L-imputat qed jiġi difiż mill-avukat José Herrera, li kien preżenti waqt ix-xhieda. Filwaqt li dehret Darlene Grima għal avukat generali. Stephanie Caruana u Lara Dimitrijevic dehru għal parte civile

More in Qrati u Pulizija