Quddiem l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, dalgħodu beda jinstema’ ġuri fil-konfront ta’ Austin Mallia, raġel ta’ 40 sena minn Santa Venera, akkużat b’diversi reati relatati mad-droga.
Wara li ġiet magħżula l-ġurija, Mallia ammetta it-tielet kap t'akkuża, dak relatat mal-pussess tal-kokaina. Madankollu, il-proċeduri se jkomplu dwar iż-żewġ akkużi l-oħra, li jinkludu l-pussess aggravat tal-kannabis u l-assoċjazzjoni bil-għan ta’ traffikar ta’ din id-droga. L-Avukat Ġenerali qed jitlob piena ta’ priġunerija għal għomru fil-każ li l-akkużat jinstab ħati.
Il-prosekuzzjoni qalet li l-każ imur lura tmien snin u huwa marbut ma’ allegat pjan biex tiġi importata l-kannabis f’Malta għal skopijiet ta’ traffikar. Skont l-evidenza mressqa, l-Iskwadra Kontra d-Droga kienet qed tosserva l-movimenti ta’ Michele Artale, li kien wasal Malta bil-katamaran u mar direttament lejn appartament fil-Ħamrun.
L-għada, waqt sorveljanza kontinwa, il-pulizija osservat lil Mallia jidħol fl-istess appartament. Mill-investigazzjoni rriżulta li l-akkużat kien qed jaġixxi fuq struzzjonijiet li ngħatawlu, fosthom biex isuq lejn żona fil-Ħal Lija u, aktar tard, biex jiltaqa’ ma’ raġel ieħor, Sandro Lo Prest, fil-bitħa tal-kumpless Fahrenheit f’Ta’ Qali.
Għalkemm il-pulizija tilfet il-kuntatt viżiv għal perjodu qasir, filmati minn kameras tas-sigurtà wrew lil Mallia u Lo Prest jittrasportaw żewġ kaxxi minn vettura. Mallia mbagħad reġa’ lura lejn l-appartament fil-Ħamrun, fejn aktar tard wasal ukoll Lo Prest.
Kien f’dan l-istadju li l-pulizija intervjeniet u wettqet sekwestri relatati mal-investigazzjoni. Minn analiżi li saret fuq il-materjal elevat, instabu diversi pakketti li sussegwentement ġew ikkonfermati minn esperti tal-qorti bħala kannabis.
Il-qorti semgħet li s-sustanza kienet tammonta għal madwar 53 kilogramma u kellha livell ta’ purità ta’ madwar 11%. Il-prosekuzzjoni żiedet li waqt tfittxijiet fuq Mallia nstabu wkoll ammonti ta’ kokaina, bil-kwantità ta’ din tal-aħħar tissuġġerixxi li ma kinitx għall-użu personali biss.
Il-każ qed jiġi mressaq mill-Avukati Godwin Cini, Kevin Valletta u Danika Vella f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-akkużat qed jiġi difiż mill-Avukat Joe Giglio.