Joe Cassar kien qed jixhed quddiem il-ġurija fil-kawża li għaddejja quddiem l-Imħallef Neville Camilleri, fejn il-ġurati għandhom jiddeċiedu jekk Azzopardi kienx mentalment responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu fil-mument tal-isparatura.
Ix-xhud spjega li huwa kien tqabbad mill-pulizija biex jevalwa jekk l-akkużat kienx f’kundizzjoni mentali li jiġi interrogat. F’dan ir-rigward, qal li kkonkluda li Azzopardi kien kapaċi jitkellem mal-investigaturi, jifhem dak li kien qed jiġri u jiddistingwi bejn it-tajjeb u l-ħażin.
Madankollu, Cassar irrimarka li l-valutazzjoni dwar jekk l-akkużat kienx f’pożizzjoni li jwieġeb għall-akkużi kienet teħtieġ analiżi differenti, minħabba l-istat paranojku li kien qed juri. Skont ix-xhieda tiegħu, waqt l-eżaminazzjoni Azzopardi rrakkontalu kif fil-jum tal-omiċidju lemaħ karozza ħdejn għelieqi fir-Rabat, niżżel il-ħġieġa tal-vettura li kien fiha, u l-vittma allegatament wissieh li jekk jerġa’ jitkessaħ, kien se jpattihielu.
Dr Cassar qal ukoll li Azzopardi ammetta li kien jaf li spara lejn Eric Borg, u sostna li għamel dan għax kien jemmen li, illum jew għada, Borg kien se jagħmillu xi ħaġa. Żied li l-akkużat semmielu wkoll episodju fejn kien ra persuna f’karozza tidher li kienet qed tosservah.
Ix-xhud qal li Azzopardi infurmah li kien ikun segwit minn psikjatra kull erba’ xhur u li, għalkemm f’perjodu partikolari kien qed jieħu mediċina kuljum, dak iż-żmien ma kienx qed jieħu l-ebda trattament.
Il-psikjatra kompla jgħid li l-akkużat qallu li fl-aħħar sentejn il-ħsibijiet ta’ ansjetà u dwejjaq kienu żdiedu, li kellu ħsibijiet ta’ suwiċidju, u li meta kellu 13-il sena kien għadda minn operazzjoni għal tumur.
Skont il-psikjatra, Azzopardi stqarr ukoll li kien jisma’ vuċijiet anke meta ma kien hemm ħadd miegħu, u li kien daħħal f’rasu li xi ħadd ried jagħmillu l-ħsara. Il-psikjatra temm billi qal li dawn l-elementi kollha kienu jindikaw b’mod ċar preżenza ta’ paranojja fil-ħsieb tal-akkużat.
Imħallef Neville Camilleri qed jippresjedi fuq is-seduta.
Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Kevin Valletta u Kylie Bonett f’isem l-Avukat Ġenerali, filwaqt li l-avukat Joe Giglio qed jidher bħala parte civile f’isem il-familja tal-vittma. Azzopardi qed jiġi rrappreżentat mill-avukati Arthur Azzopardi u Nicole Vassallo.
Il-każ ikompli.