Qorti tagħti sentenza sospiża lil DJ wara li nstab ħati ta’ pussess aggravat ta’ ecstasy wara 12-il sena

DJ jinstab ħati li kellu fil-pussess l-ecstasy qabel boat party

Il-Qorti tal-Maġistrati, preseduta mill-Maġistrat Dr Caroline Farrugia Frendo, ikkundannat lil Geoffrey Debattista, ta’ 41 sena minn Tal-Pietà, għal piena ta’ 18-il xahar priġunerija sospiża għal tliet snin wara li nstab ħati ta’ pussess aggravat tad-droga ecstasy u li wettaq ir-reat f’post li normalment jiltaqgħu fih iż-żgħażagħ.

Is-sentenza ngħatat nhar it-Tlieta, wara proċeduri twal li rrelataw ma’ każ li seħħ fl-14 ta’ Ġunju 2014. Dakinhar, membri mill-iskwadra kontra d-droga waqqfu lill-imputat hekk kif kien se jitla’ abbord id-dgħajsa kummerċjali Hera 1 fiż-żona tax-Xatt ta’ Tas-Sliema, fejn kien se jattendi u jaħdem bħala DJ f’boat party.

Minn tfittxija, il-pulizija sabu ammont konsiderevoli ta’ droga, fosthom total ta’ 77.5 pillola ecstasy ta’ diversi kuluri, kif ukoll borża żgħira b’sustanza suspettata kokaina. Skont ir-rapport tal-espert xjentifiku Emanuel Sinagra, il-pilloli kollha rriżultaw li kien fihom is-sustanza MDMA, droga kkontrollata taħt il-liġi Maltija.

Il-Qorti waslet għall-konklużjoni li l-ammont ta’ ecstasy misjub, flimkien maċ-ċirkostanzi li fihom instabet, jiġifieri f’post pubbliku u qabel avveniment li jattira numru kbir ta’ żgħażagħ, kien jindika li d-droga ma kinitx għall-użu esklussiv tal-imputat. Għaldaqstant, l-ewwel u t-tielet imputazzjoni ġew meqjusa bħala ppruvati lil hinn minn kull dubju raġonevoli.

Min-naħa l-oħra, il-Qorti lliberat lil Debattista mit-tieni imputazzjoni, dik tal-pussess ta’ kokaina, wara li rriżulta li s-sustanza bajdanija misjuba fir-residenza tiegħu ma kinitx droga. Huwa ġie wkoll lliberat mir-raba’ imputazzjoni ta’ reċidiva, peress li l-prosekuzzjoni naqset milli tipproduċi prova formali tas-sentenza preċedenti allegata.

Aspett importanti li tqies mill-Qorti kien il-fatt li l-imputat kien għadda minn programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga, li ntemm b’suċċess. Il-Qorti qieset li r-reat kien prinċipalment attribwibbli għad-dipendenza tiegħu fuq sustanzi illeċiti u nnutat l-isforzi li għamel sabiex jirrijabilita ruħu, inkluż programm offrut mill-Caritas.

Minbarra s-sentenza ta’ priġunerija sospiża, Debattista ġie mmultat is-somma ta’ €2,000 u ġie kkundannat ukoll iħallas €1,002.06 spejjeż tal-Qorti.

Il-Qorti ordnat ukoll id-distruzzjoni tad-droga kollha esebita ladarba s-sentenza ssir finali.

Il-Maġistrat wissiet lill-ħati dwar il-konsegwenzi serji li jista’ jiffaċċja jekk iwettaq reat ieħor li jkun punibbli bi priġunerija matul il-perjodu tas-sentenza sospiża.

More in Qrati u Pulizija