Sitt xhur ħabs għal raġel li saq mingħajr liċenzja u assigurazzjoni

Il-pulizija qalet li minkejja li kien imwissi biex ma jerġax isuq, injorahom għal kollox u saq il-vettura barra mill-garaxx tal-pulizija hu stess

Raġel ta’ 37 sena mill-Marsa ġie kkundannat sitt xhur priġunerija wara li ammetta għal diversi akkużi, fosthom li saq karozza mingħajr liċenzja u mingħajr assigurazzjoni valida, naqas milli jobdi ordnijiet tal-pulizija u kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Mavrick Zammit wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih quddiem il-Qorti, inkluż li kiser kundizzjonijiet imposti fuqu meta ngħata l-ħelsien mill-arrest.

Il-Pulizija spjegat li waqt spezzjonijiet tat-traffiku, innutaw lill-akkużat jirriversja u jaħrab bil-vettura tiegħu meta lemaħ lill-uffiċjali. Huwa ġie arrestat ftit tal-ħin wara u ammetta li ħarab minħabba li ma kellux liċenzja tas-sewqan.

Skont il-prosekuzzjoni, minkejja li ġie mwissi espressament biex ma jerġax isuq, Zammit injora kompletament l-istruzzjonijiet tal-pulizija u saħansitra ħareġ isuq il-vettura hu stess mill-garaxx tal-pulizija.

Il-Maġistrat Lara Lanfranco, wara li kkunsidrat iċ-ċirkostanzi tal-każ u l-ammissjoni tal-akkużat, ikkundannatu sitt xhur priġunerija. Il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ €2,000 minn depożitu li kien tħalla biex ingħata l-ħelsien mill-arrest, u skwalifikat lill-akkużat milli japplika jew jikseb liċenzja tas-sewqan għal perjodu ta’ sena u tmien ijiem.

 

More in Qrati u Pulizija