Il-Quws mixli bi ksur ta’ sitt kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja u vjolenza domestika

Melvin Debono, ‘Il-Quws’ tressaq il-Qorti l-Erbgħa filgħodu wara l-arrest tiegħu fuq il-ksur ta’ sitt settijiet ta’ kundizzjonijiet ta’ libertà proviżorja, kif ukoll akkuża ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba • Debono jingħata l-libertà proviżorja għas-seba’ darba fi żmien ftit xhur

Melvin Debono, magħruf bħala “Il-Quws”, deher quddiem il-Qorti l-Erbgħa filgħodu wara li ġie arrestat b’rabta ma’ ksur ta’ sitt kundizzjonijiet ta’ libertà provviżorja, kif ukoll b’akkuża ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-eks sieħba tiegħu.

Debono kien diġà ġie akkużat b’numru ta’ reati fix-xhur li għaddew, fosthom li sparar b’mod malizzjuż b’apparat legali, pussess ta’ arma illegali, ħsara involontarja lil proprjetà, traffikar ta’ droga u ħasil ta’ flus.

Fil-Qorti, hu ġie mixli li kiser sitt kundizzjonijiet separati ta’ libertà provviżorja imposti fuqu minn tmien maġistrati differenti, kif ukoll b’akkuża oħra li hedded lill-eks sieħba tiegħu. Skont il-prosekuzzjoni, Debono allegatament qalilha: “naħraqlek id-dar u lilek magħha.”

Ir-raġel ġie mixli wkoll li allegatament kien involut f’inċident serju tat-traffiku b’veloċità għolja f’April li għadda.

Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur l-eks sieħba tal-akkużat, u imponiet ukoll ordni li tipprojbixxi lil Debono milli jkollu kuntatt magħha, filwaqt li tista’ ssir komunikazzjoni biss fir-rigward tat-tliet uliedhom. Il-Qorti wissiet li kwalunkwe ksur ta’ din l-ordni jista’ jwassal għal piena ta’ sa sentejn priġunerija jew multa ta’ €200.

Minkejja l-akkużi u l-ksur ripetut tal-kundizzjonijiet, il-Qorti aċċettat it-talba għal libertà provviżorja għas-seba’ darba fi ftit xhur, u ordnat il-ħelsien tiegħu taħt kundizzjonijiet stretti oħra. Dawn jinkludu garanzija personali ta’ €5,000 u depożitu ta’ €1,000.

Debono diġà kien qed jiffirma r-reġistru tal-libertà provviżorja darbtejn kuljum – filgħodu u filgħaxija – b’rabta ma’ akkużi preċedenti. Wara li l-Qorti kkunsidrat il-kundizzjonijiet tax-xogħol tiegħu, ġie ordnat li issa jiffirma bejn il-5pm u t-8pm, u li josserva curfew bejn id-9pm u t-8am.

Il-Qorti imponiet ukoll projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-vittma marbuta mal-każ.

Is-seduta kienet preseduta mill-Maġistrat Tanya Sammut. L-Ispettur Sherona Buhagiar mexxiet il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-akkużat kien assistit mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri

More in Qrati u Pulizija