Il-Qorti tiċħad talba ta’ Ralph De La Torre biex jitwaqqfu proċeduri kriminali f’Malta
Ralph De La Torre sostna li l-fatt li jista jiġi mġiegħel jixhed f’Washington jista’ jippreġudika d-dritt tiegħu għal proċess ġust f’Malta, iżda l-qorti qalet li r-riskju kien ipotetiku u mhux “imminenti” biżżejjed biex jiġġustifika miżura interim
minn Jaelle Borg
Il-Qorti ċaħdet talba mressqa mill-eks CEO ta’ Steward Healthcare, Ralph De La Torre, biex jiġu sospiżi l-proċeduri kriminali kontrih f’Malta, u ddeċidiet li l-argumenti tiegħu dwar preġudizzju minħabba proċeduri paralleli fl-Istati Uniti huma prematuri u ma jilħqux il-livell strett meħtieġ biex tingħata miżura interim.
Id-deċiżjoni ngħatat fir-rigward ta’ applikazzjoni mressqa f’Ottubru li permezz tagħha De La Torre kien qed jitlob li jiġu ffriżati l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Maġistrati sakemm tiġi deċiża kawża kostituzzjonali separata li fetaħ hu stess.
De La Torre, li sa ftit xhur ilu kien imexxi l-kumpanija Amerikana Steward Healthcare, informa lill-qorti li qed jiffaċċja skrutinju fl-Istati Uniti dwar allegat użu ħażin ta’ fondi ta’ Steward, u li ġie msejjaħ biex jixhed fi proċeduri marbuta ma’ investigazzjoni tas-Senat Amerikan.
Id-difiża sostniet li De La Torre fetaħ ukoll proċeduri quddiem il-Qorti Distrettwali tal-Istati Uniti għad-Distrett ta’ Columbia, fejn invoka l-ħames emenda tal-Kostituzzjoni Amerikana dwar id-dritt li wieħed ma jinkriminax lilu nnifsu. Hu argumenta li kwalunkwe xhieda li jista’ jagħti f’Washington tista’ tintuża kontrih fil-proċeduri kriminali relatati mal-konċessjoni tal-isptarijiet f’Malta.
Fl-istess ħin, l-awtoritajiet Maltin bdew proċeduri kriminali dwar il-ftehim tal-privatizzazzjoni tal-isptarijiet, li oriġinarjament kien ingħata lil Vitals Global Healthcare u li aktar tard ittieħed minn Steward Healthcare, wara inkjesta maġisterjali dwar allegata korruzzjoni marbuta mal-konċessjoni.
Fil-kawża kostituzzjonali tiegħu, De La Torre talab lill-qorti tiddikjara li d-dritt tiegħu għal smigħ ġust kien, jew x’aktarx se jkun, miksur, billi sostna li kien qed jiġi “sfurzat” f’sitwazzjoni fejn jista’ jkollu jixhed barra minn Malta waqt li fl-istess ħin qed jiffaċċja proċeduri kriminali f’pajjiżu.
Huwa kkontesta wkoll il-bażi evidenzjarja tal-każ Malti, u argumenta li l-proċeduri huma bbażati fuq rapport imħejji mill-espert forensiku Jeremy Harbinson jew minn impjegati ta’ Harbinson Forensics Ltd. Skont De La Torre, ir-rapport iqajjem dubji serji dwar kif ġie mfassal u l-awturi tiegħu mhumiex mistennija jixhdu biex jikkonfermaw il-kontenut tiegħu, u għalhekk ma jistax jikkostitwixxi prova li tistabbilixxi “prospett raġonevoli ta’ kundanna”.
Abbażi ta’ dan, talab li l-qorti twaqqaf l-azzjoni kriminali kontrih, jew alternattivament tissospendiha sakemm jintemmu l-proċeduri fl-Istati Uniti u dawk tas-Senat Amerikan.
Sakemm tinstema’ l-kawża kostituzzjonali, De La Torre ppreżenta wkoll talba separata għal miżura interim, jiġifieri ordni provviżorja urġenti biex il-proċeduri kriminali Maltin jiġu ffriżati temporanjament.
L-Avukat Ġenerali oġġezzjona għat-talba, u sostna li r-rekwiżiti legali għal miżura interim ma kinux sodisfatti. L-Istat argumenta li De La Torre għandu rimedji proċedurali ordinarji quddiem il-qorti kriminali nnifisha, inkluż id-dritt li jitlob sospensjoni quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u li jikkontesta l-użu ta’ kwalunkwe evidenza esperta jew xhieda barranija fil-kuntest tal-proċeduri.
Il-prosekuzzjoni insistiet ukoll li l-każ jinsab fi stadju bikri ħafna, u li kien prematur li wieħed jitkellem dwar ksur, anke prima facie, tad-dritt għal smigħ ġust, li għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-proċeduri kollha u mhux fuq żvilupp wieħed ipotetiku.
Il-qorti, f’analiżi dettaljata, irrevediet il-prinċipji tal-liġi Maltija u dawk ta’ Strasburgu dwar miżuri interim, u enfasizzat li dawn jingħataw biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali fejn hemm riskju imminenti ta’ dannu irreparabbli u fejn ikun meħtieġ li jinżamm l-istatus quo sabiex il-qorti tkun tista’ tipprovdi rimedju effettiv aktar ’il quddiem.
Il-qorti qalet li tali miżuri ma għandhomx jingħataw fuq il-bażi ta’ xenarji inċerti jew ipotetiċi, u li l-applikant irid juri, tal-inqas prima facie, li dritt fundamentali qed jiġi miksur jew x’aktarx se jinkiser b’mod konkret u imminenti.
Applikat għal dan il-każ, il-qorti sabet li l-elementi ewlenin tal-ilment ta’ De La Torre kienu spekulattivi. Ġie osservat li l-proċeduri quddiem il-qorti Amerikana għadhom pendenti u li, fil-mument tat-talba, De La Torre lanqas biss kien jaf jekk hux se jkun mitlub jixhed quddiem is-Senat.
Barra minn hekk, peress li ma kienet ingħatat l-ebda xhieda quddiem is-Senat u l-ebda evidenza bħal din ma kienet introdotta fil-proċeduri kriminali Maltin, il-qorti qalet li kien impossibbli f’dan l-istadju li jiġi stabbilit, anke prima facie, li d-dritt tiegħu għal smigħ ġust jew il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni kienu qed jiġu miksura.
Anke jekk il-proċeduri fl-Istati Uniti kellhom jispiċċaw b’mod sfavorevoli għalih, il-qorti qalet li ma kien hemm ebda garanzija li xhieda mogħtija barra minn Malta kienet se tkun ammissibbli fil-qorti Maltija, u li f’kull każ De La Torre jibqa’ jkollu d-dritt li jikkontesta l-ammissibbiltà tagħha.
Il-qorti żiedet li jekk il-prosekuzzjoni kellha l-intenzjoni tiddependi fuq xhieda mogħtija barra minn Malta, ikun fl-interess tagħha stess li din tkun disponibbli fi stadju bikri, u li t-tħassib imqajjem seta’ jiġi indirizzat permezz tal-andament normali tal-każ.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-qorti kkonkludiet li r-rekwiżiti meħtieġa mil-liġi u mill-ġurisprudenza għal miżura interim ma kinux sodisfatti, u ċaħdet it-talba, b’ordni li l-ispejjeż ta’ din il-fażi jitħallsu mill-applikant.
Il-kawża kienet preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli.
Għal De La Torre dehru l-avukati José Herrera, David Camilleri u Matthew Xuereb, filwaqt li għall-Istat dehru l-avukati Julian Farrugia u Charlene Muscat f’isem l-Avukat tal-Istat u l-Avukat Ġenerali.
