Aġġornata 1:02pm bl-istqarrija tal-Kummissarju tal-Animali
Sentenza ta’ sentejn ħabs u multa ta’ €15,000 mogħtija f’Ottubru kontra ċ-ċittadin Ġappuniż Okamura Satoshi ġiet revokata mill-Qorti tal-Appell Kriminali minħabba difett proċedurali sostanzjali, bil-każ jintbagħat lura quddiem il-Qorti tal-Maġistrati għal sentenza ġdida skont il-liġi.
Okamura kien instab ħati fuq l-ammissjoni tiegħu stess ta’ diversi akkużi ta’ moħqrija lejn l-annimali taħt l-Att dwar il-Ħarsien tal-Annimali, inkluż il-qtil ta’ annimali, tbatija jew dwejjaq bla bżonn. Huwa kien akkużat ukoll b’serje ta’ reati kontra uffiċjali tal-pulizija relatati ma’ inċident tal-1 ta’ Awwissu 2025, fosthom li rreżista jew attakka pulizija, ikkaġuna ġrieħi ħfief, hedded jew insulta uffiċjali waqt dmirijiethom u xekkel l-eżekuzzjoni tad-dmirijiet pubbliċi.
Il-Qorti tal-Maġistrati kienet ikkundannatu għal sentejn priġunerija, multa ta’ €15,000 pagabbli fi żmien sentejn, projbizzjoni ta’ 40 sena milli jżomm annimali u ordni ta’ trattament għal tliet snin.
F’appell ippreżentat fid-29 ta’ Ottubru 2025, Okamura talab li l-konstatazzjoni ta’ ħtija tibqa’ fis-seħħ iżda li l-piena tiġi revokata jew imnaqqsa, billi sostna li l-ewwel qorti ma tatx piż biżżejjed lill-kundizzjoni psikoloġika tiegħu u li l-piena kienet sproporzjonata.
Qabel ma indirizzat dawn l-ilmenti, il-Qorti tal-Appell eżaminat l-obbligi imposti mill-Artikolu 382 tal-Kodiċi Kriminali, li jitlob lill-qorti tidentifika b’mod ċar il-fatti, il-piena u l-artikoli tal-liġi li joħolqu r-reat. Il-qorti saħqet li dan mhux rekwiżit formali iżda obbligu mandatorju.
Il-qorti nnutat li fir-rigward tal-akkuża ta’ ġrieħi ħfief, il-Qorti tal-Maġistrati kienet iċċitat l-Artikoli 215 u 221(1) tal-Kodiċi Kriminali, li jikkklassifikaw u jiddefinixxu l-ġrieħi, iżda li ma joħolqux ir-reat innifsu. Skont ġurisprudenza stabbilita, in-nuqqas li jiġi ċċitat l-artikolu kostituttiv li jikkriminalizza r-reat jammonta għal difett proċedurali sostanzjali li jirrendi s-sentenza nulla, anke jekk dan ma jitqajjemx mill-appellant.
Il-qorti ċċarat li din in-nullità ma taffettwax il-proċeduri kollha, iżda biss is-sentenza, u li l-attivitajiet proċedurali preċedenti jibqgħu validi. Għaldaqstant, Okamura għandu jiġi rrestawrat għall-pożizzjoni proċedurali li kien fiha qabel ma ngħatat is-sentenza.
B’konsegwenza ta’ dan, il-Qorti tal-Appell Kriminali revokat is-sentenza ex officio u bagħtet lura l-atti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati għal sentenza ġdida skont il-liġi, u qieset mhux neċessarju li tidħol fil-mertu tal-ilmenti dwar il-piena jew l-ordni ta’ trattament.
Il-kawża nstemgħet quddiem l-Imħallef Neville Camilleri. L-Ispettur Eliot Magri mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-akkużat kien irrappreżentat mill-avukati tad-difiża Adreana Zammit u Marion Camilleri.
L-uffiċju tal-Kummissarju tal-Annimali ħareġ stqarrija fuq il-midja soċjali fejn qal li hemm bżonn ta' reviżjoni ta' liġijiet eżistenti kif ukoll introduzzjoni ta' liġijiet ġodda li jirrikonoxxu l-annimali bħala esseri sensibbli mhux propjeta f'għajnejn il-liġi.
L-istqarrija qalet li l-Kummissarju Fleur Abela, li hi avukat, diġa' bgħatet ir-rakkamondazzjonijiet meħtieġa fuq dan il-każ. "Dan il-proċess jinkludi diskussjonijiet m'għaqdiet mhux governanti u attivisti, kif ukoll mas-Segretarjat Parlamentari responsabbli għas-Sajd, Akwakultura u Drittijiet tal-Annimali."