Stephanie Bondin, ta’ 36 sena minn Ħad-Dingli, ġiet meħlusa mill-akkuża li kkawżat ġrieħi gravi b’mod involontarju wara inċident tat-traffiku li seħħ f’Ħaż-Żebbuġ f’Ġunju tal-2023, hekk kif il-qorti qieset li l-prosekuzzjoni naqset milli tiggarantixxi d-drittijiet fundamentali tagħha u li tipprova l-akkużi lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
Bondin kienet akkużata li laqtet lill-vittma bil-karozza tagħha filwaqt li kienet qed taqsam minn. Fil-verżjoni inizjali tagħha, il-vittma qalet li kienet waslet ir-Rabat bil-karozzi tal-linja u bdiet taqsam it-triq meta l-vettura tal-akkużata mxiet lejn il-korsija l-oħra mingħajr indikatur, u laqtitha b’mod perikoluż, biżżejjed biex taqa’ mal-art fuq daharha. Bondin imbagħad assistietha u ħaditha l-Polyclinic tar-Rabat, fejn waslu l-Pulizija.
Madankollu, il-qorti nnutat kontradizzjonijiet fil-verżjoni tal-vittma, speċjalment rigward id-data tal-inċident. Filwaqt li c-charge sheet tal-pulizija tgħid li seħħ fit-30 ta’ Ġunju, ix-xhieda tal-vittma aktar tard sostniet li seħħ lejliet, jiġifieri fid-29 ta’ Ġunju 2023, u ppreżentat ritratti meħuda jumejn wara l-inċident.
Problema oħra serja identifikata mill-Qorti kienet li l-akkużata ma ngħatatx l-informazzjoni dwar id-dritt tagħha li tibqa’ siekta u lanqas dwar id-dritt li tikkonsulta ma’ avukat qabel jew waqt l-interrogazzjoni. Dan wassal biex id-dikjarazzjonijiet tagħha lill-pulizija ma kinux jistgħu jittieħdu in konsiderazzjoni bħala prova valida.
Il-Maġistrat irrimarka wkoll li l-vittma ma tatx deskrizzjoni ċara dwar fejn eżatt kienet qiegħda tgħaddi u l-movimenti tagħha qabel l-impatt, u dawn l-inċertezzi ħolqu dubju sostanzjali fil-prosekuzzjoni.
Quddiem dawn in-nuqqasijiet u l-inkonsistenzi, il-qorti kkonkludiet li l-prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tissodisfa l-piż tal-prova meħtieġ fil-ġuri kriminali u għalhekk meħlusa mill-akkuża li kkaġunat ġrieħi gravi b’nuqqas ta’ attenzjoni.