Mara li ammettiet li ħadet lil binha, taħt l-età ta’ 16-il sena, barra minn Malta bi ksur ta’ ordni ta’ awtorità kompetenti, ġiet ikkundannata għal ordni ta’ probation minflok priġunerija, hekk kif il-qorti qieset li sentenza ta’ ħabs kienet se tikkawża ħsara sproporzjonata lit-tifel.
Il-każ beda wara rapport mill-missier tat-tifel fil-Għassa tal-Pulizija tal-Birgu, li allega li l-omm ħadet lit-tifel barra minn Malta mingħajr ma infurmatu. Il-koppja separata kellha ftehim li kull vjaġġar tat-tifel barra minn Malta kien irid ikun maqbul bejniethom.
Minn verifiki tas-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni tal-Pulizija ġie kkonfermat li seħħ vjaġġ lejn il-Libja, filwaqt li rappreżentant ta’ Identità xehdet li l-passaport tat-tifel ġie applikat mill-Ambaxxata ta’ Malta fil-Libja mingħajr il-kunsens tal-missier.
Il-missier xehed li t-tifel kien ġie kkurat mill-kanċer fl-2019 u kien aċċetta li l-omm tieħu lit-tifel Għawdex għal tlett ijiem, fejn kellu siegħa aċċess skont ordni tal-qorti tal-familja. Il-kunsens kien jinkludi wkoll li t-tifel iqatta’ l-Milied miegħu, iżda meta mar jiġbru, ġie infurmat li l-omm u t-tifel kienu ilhom nieqsa għal ħamest ijiem.
Il-missier ipprova jagħmel kuntatt mal-omm permezz ta’ WhatsApp iżda ma rnexxielux. Sar jaf li t-tifel irritorna Malta meta s-sieħba tiegħu, li taħdem bħala sewwieqa ta’ vann tal-iskola, semgħet lill-għalliema ssemmi l-isem tat-tifel fl-iskola fejn kien attenda.
Fix-xhieda tiegħu, tabib li kura lit-tifel għal sentejn kkonferma li dan kien qiegħed isofri minn “attachment disorder” minħabba nuqqas ta’ stabbiltà fil-ħajja bikrija tiegħu, u li terapija tal-familja u ko-parenting kienu kruċjali għall-irkupru tiegħu.
Rapport tal-Protezzjoni tat-Tfal issuġġerixxa li jkun fl-aħjar interess tal-minuri li jgħix mal-missier, hekk kif kien jeħtieġ ambjent aktar stabbli u kura strutturata. Il-Pulizija kellhom jassistu biex it-tifel jiġi mċaqlaq mill-post fejn kien jgħix mal-omm, li kienet talbet l-għajnuna diversi drabi minħabba aggressività tat-tifel lejha u lejn ħutu.
Il-mara ddeċidiet li tagħmel ammissjoni bikrija, u l-qorti għaddiet sabiex tagħti s-sentenza.
Il-Maġistrat enfasizzat li l-piena m’hijiex vendetta soċjali iżda mezz ta’ riabilitazzjoni. Innotat li riċerka wiesgħa turi kif il-ħabs ta’ ġenitur jista’ jkollu konsegwenzi serji fuq it-tfal, b’mod partikolari meta dawn diġà jkunu qed jiffaċċjaw sfidi psikoloġiċi u soċjali.
Għalhekk, il-qorti imponiet ordni ta’ probation ta’ tliet snin fuq l-omm, b’enfasi fuq il-kontinwazzjoni tat-terapija tal-familja u l-ko-parenting sabiex tissaħħaħ l-istabbiltà tal-minuri.
Il-qorti wkoll innutat li żewġ akkużi ma setgħux jiġu kkunsidrati peress li ma kinux fil-kitba ta’ rinviju tal-Avukat Ġenerali, li jiffunzjona bħala l-att tal-akkuża formali f’dawn il-każijiet.
L-Ispettur Gabriel Kitcher mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-Avukat Stefano Filletti deher għall-akkkużata. Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ippresediet.