Il-Qorti tal-Appell ordnat li kawża tal-konsumatur dwar biljetti għall-kunċert ta’ Ed Sheeran f’Ta’ Qali tintbagħat lura quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur, wara li qieset li kien hemm ksur tal-proċedura u tal-ġustizzja naturali minħabba li wieħed mill-konvenuti qatt ma kien infurmat bil-każ.
Il-kawża tressqet minn Karen Zammit Southernwood wara li xtrat erba’ biljetti tas-sezzjoni “Seated B – Z4” għal total ta’ €856, iżda allegat li dawn li kienu allokati ma qablux mal-pjanta li kienet imħabbra. Hija qalet li s-sezzjoni Z4 kienet muriha fin-nofs tal-ispazju tal-kunċert, iżda fil-verità kienet imbiegħda sew lejn it-tarf tal-post. F'korrispondenza li ppreżentat, iddeskriviet il-bejgħ bħala “qarrieqi”.
Fit-13 ta’ Novembru 2024, it-Tribunal laqa’ parzjalment it-talba u ordna lil Showshappening Limited tħallas €656 lil Southernwood, flimkien ma’ imgħax u spejjeż, wara li l-kumpanija ma attendietx u lanqas bagħtet risposta, minkejja li kienet ġiet notifikata.
Showshappening appellat id-deċiżjoni u sostniet li ma saritx notifika lil kumpanija oħra li kienet qed tiġi mħarrka flimkien magħha — NNG Promotions Limited — u għalhekk din ma setgħetx tiddefendi ruħha. Il-kumpanija qalet ukoll li kienet sempliċement “booking agent” u li t-€800 tal-biljetti qatt ma għaddew f’idejha.
Il-Qorti tal-Appell, preseduta mill-Imħallef Mintoff, laqgħet l-ewwel aggravju u rrimarkat li ma setax isir ġudizzju mingħajr ma notifiki formali jsiru lill-partijiet kollha. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tat-Tribunal ġiet annullata għal raġunijiet proċedurali.
Il-Qorti qalet li f’din il-fażi mhix se tidħol fil-mertu tal-kwistjoni dwar il-kumpens, billi jkun “inġust” li titqies id-dritt tal-konsumatur qabel ma tinstema’ wkoll il-verżjoni ta’ NNG Promotions Limited.
Il-proċeduri issa se jerġgħu jibdew quddiem it-Tribunal, li għandu jiffissa data biex din il-kumpanija tiġi notifikata u tingħata l-opportunità tippreżenta d-difiża tagħha.
L-ispejjeż tħallew pendenti għalissa.