Il-Pulizija arrestaw raġel ta’ 51 sena fl-ajruport fuq suspett li daħħal aktar minn 19kg ta’ khat.
Il-khat hija pjanta indiġena tal-Lvant tal-Afrika u l-weraq tagħha jistgħu jittieklu bħala stimulant, b’mod simili għall-użu tal-weraq tal-kokka.
Il-Pulizija qalu li s-suspettat, li huwa Ingliż, twaqqaf mill-uffiċjali tad-dwana meta wasal Malta minn Amsterdam. Wara tfittxija fil-bagalji tiegħu, sabu 100 pakkett khat b’valur ta’ madwar €8,000.
Il-Maġistrat Monica Vella ġiet infurmata bil-każ u fetħet inkjesta, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-pulizija għadhom għaddejjin.
Is-suspettat mistenni jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi fid-9:00am.