Il-Qorti ħarġet kritika qawwija lejn il-proċeduri tal-pulizija f’każijiet ta’ ksur ta’ ordnijiet ta’ protezzjoni, wara li akkużat ġie arrestat — u mhux imsejjaħ bil-karta ta’ qorti — dwar allegazzjoni li ddur fuq email waħda mibgħuta lill-eks sieħba tiegħu.
L-akkużat, ex kunsillier Laburista f'Baħar iċ-Ċagħaq u San Pawl il-Baħar tressaq il-Qorti akkużat li kiser ordni ta’ projbizzjoni taħt l-Art. 382A tal-Kodiċi Kriminali, allegatament billi kkuntattja lill-eks sieħba tiegħu bejn is-27 ta’ Novembru u l-1 ta’ Diċembru 2025. L-ordni, maħruġa f’Awwissu 2024, kienet tipprojbixxi kull tip ta’ kuntatt.
Il-każ inbeda wara rapport li sar lid-Domestic Violence Unit, fejn intqal li fl-email dehret screenshot mir-reġistru elettorali bl-indirizz il-ġdid tal-vittma u ritratt tagħha ma’ raġel ieħor li kien pubblikat fuq Facebook. Dawn iż-żewġ dokumenti huma ċ-ċentru tal-prosekuzzjoni.
Il-maġistrat Nadine Sant Lia madankollu ffukat prinċipalment fuq kif il-każ ġie ppreżentat il-Qorti. Hija nnutat li din kienet l-unika allegazzjoni relatata mal-ordni ta’ protezzjoni u li l-prosekuzzjoni kienet sostnuta l-aktar minn screenshot u ritratt pubbliku fuq Facebook.
B’mod partikolari, il-Qorti qalet li l-akkużat qatt ma kien ġie mwissi jew imħarrek qabel l-arrest tiegħu, iżda ntalab jagħti verżjoni tiegħu mill-ewwel fl-interrogazzjoni. Ma saritx talba għal ordni ta’ protezzjoni temporanja, u ntgħażel li jsir arrest minflok ħatra permezz ta’ ċitazzjoni — deċiżjoni li l-Qorti wissiet li tista’ tpoġġi lill-persuna f’riskju ta’ detenzjoni f’każ ta’ rifjut tal-ħelsien.
Id-difiża rrimarkat li l-akkużat jaħdem full-time fis-servizz pubbliku u li għal aktar minn sena ma kien hemm l-ebda inċident jew kwistjoni relatata mal-ordni ta’ protezzjoni, fatt li juri li s-sitwazzjoni kienet waħda iżolata.
Il-Maġistrat Sant Lia osservat li l-kawżi ta’ dan it-tip jiġu ttrattati b’modi kompletament differenti mingħajr spjegazzjoni ċara. Hija qalet li kien hemm każi ħafna aktar serji fejn saru ċitazzjonijiet minflok arrest, u għalhekk ma kien hemm l-ebda raġuni valida biex dan il-każ ma jiġix imxandar bl-istess mod.
Il-Qorti saħqet li l-akkużati kollha għandhom jiġu ttrattati b’mod ugwali u skont l-istess prinċipji proċedurali.
Fl-aħħar nett, ingħata l-ħelsien taħt diversi kundizzjonijiet, fosthom depożitu ta’ €800, garanzija personali ta’ €3,000, firma kull ġimgħa u curfew bejn nofsillejl u l-5am.
L-Ispettur Omar Zammit mexxa l-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukat Nicholas Mifsud deher għall-akkużat.