Il-Qorti tisma' kif missier qal lil ibnu ta' sentejn li ommu 'qaħba'

Raġel inżamm arrestat wara li ġie akkużat b'fastidju, theddid vjolenti u attakk fuq l-eks sieħba tiegħu • Allegatament l-akkużat qal lil ibnu ta’ sentejn li ommu kienet ‘qaħba'

Sewwieq ta’ trakk ta’ 32 sena minn Bormla ġie miżmum taħt arrest wara li tressaq il-Qorti akkużat li hedded, ffastidja u attakka lill-eks sieħba tiegħu quddiem binhom ta’ sentejn.

Il-Qorti semgħet kif l-akkużat allegatament insulta lill-mara quddiem ibnu, fosthom meta qal lit-tifel żgħir: “Mummy hija qaħba” u “ejja nsawtuha lill-mummy.”

Rapport ta’ periklu estrem

Skont il-prosekuzzjoni, l-inċident seħħ fil-lejl tat-30 ta’ Novembru. L-allegata vittma għamlet rapport permezz tas-sistema online tal-Pulizija fis-2:30am, u dan intbagħat immedjatament lill-Unità kontra l-Vjolenza Domestika. Hija ressqet ukoll rapport fil-Hub ta’ Santa Luċija.

Qabel dan, kienet qabdet ma’ l-akkużat wara li qablet li jara lit-tifel tagħhom. F’dik l-istess ġurnata, l-akkużat mar jaffaċjaha f' kompleks sportiv. Meta l-mara rrifjutat li titkellem miegħu u kienet dieħla fil-karozza b’saqajha għadha barra, huwa allegatament qabadha minn spallejha u ġagħalha ssuq lejn iż-żona tax-Xgħajra.

Hemmhekk, huwa allegatament niżżilha mill-karozza u wassalha kontra ċint, fejn insulta u hedded lill-mara quddiem it-tifel.

Il-mara rrakkontat li aktar tard reġgħet rat lill-akkużat fil-Birgu u kien kompla jsegwiha sal-ħin li waslet id-dar, anke permezz ta’ telefonati minn numri li ma’ kinux magħrufa. Il-valutazzjoni tar-riskju fl-Hub ta’ Santa Luċija kklassifikat is-sitwazzjoni bħala Scale 4 – periklu estrem.

Wara li nħareġ mandat ta’ arrest, l-akkużat inqabad waqt li kien mar jiffirma l-karta tal-preżenza fl-għassa ta' Bormla. Id-difiża ma oġġezzjonatx il-validità tal-arrest.

Il-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat għandu storja kriminali problematika: żewġ ordnijiet ta’ protezzjoni preċedenti, erba’ libertajiet proviżorji u żewġ probation orders, u ġie deskritt bħala reċidiv.

L-akkużat wera żewġ emails lill-prosekuzzjoni biex jgħid li r-relazzjoni kienet “on and off”, inċidentata, u li l-mara kienet tirrapporta kull darba li kien ikun hemm tensjoni bejniethom. Intqal ukoll li għandu appoġġ professjonali ta’ psikologu u uffiċjal tal-probation.

L-Ispettur Colin Sheldon insista biex il-Qorti tirrifjuta l-ħelsien mill-arrest minħabba r-riskju serju ta’ reati oħra u l-gravità tat-theddid.

Il-Qorti tat raġun lill-prosekuzzjoni u ordnat ordni ta’ protezzjoni stretta favur il-mara, li tipprojbixxi kull kuntatt dirett jew indirett mill-akkużat. Jekk jinkiser xi kundizzjoni, ir-raġel jiffaċċja penali ta’ €7,000.

L-avukati Franco Debono u Adriana Zammit dehru għad-difiża.

More in Qrati u Pulizija