Analiżi fuq kampjun ta’ awrina ta’ Benjamin Chetcuti kkonfermat konċentrazzjoni ta’ alkoħol ta’ 360mg għal kull 100ml, livell li jindika konsum straordinarjament għoli ta’ alkoħol fil-ġurnata tal-inċident fatali li ħa l-ħajja ta’ Mildred Azzopardi fil-Belt.
It-Tlieta xehed l-espert mediku tal-qorti Godwin Sammut, li wettaq l-analiżi fuq il-kampjun tal-awrina meħud mill-akkużat. Ir-rapport tiegħu kkonkluda li l-kampjun kien pożittiv għall-alkoħol, filwaqt li r-riżultati kienu negattivi għal sustanzi illeċiti.
Il-konċentrazzjoni ta’ 360mg/100ml – meqjusa bħala livell ta’ intossikazzjoni għoli ħafna – kienet tikkonferma wkoll ir-riżultat tal-breathalyser fuq il-post.
Il-Pulizija Jonathan Steady xehed li fuq il-post tal-inċident talab lil Chetcuti jagħmel test tal-breathalyser, li rriżulta pożittiv. Dan ir-riżultat kien ikkonfermat aktar tard mill-analiżi ta' Godwin Sammut. Steady żied li Chetcuti obda l-ordnijiet tal-Pulizija u aċċetta minnufih li jagħmel it-test.
Chetcuti, suldat ta’ 23 sena minn Raħal Ġdid, jinsab akkużat bil-qtil involontarju ta’ Azzopardi, omm ta’ erbat itfal, li nqatlet meta nqabdet bejn żewġ karozzi wara ħabta fi Xatt il-Barriera, il-Belt Valletta.
Huwa qed jiffaċċja wkoll akkużi ta’ ġrieħi involontarji lill-missier tat-tfal, sewqan perikoluż, eċċess ta’ veloċità, sewqan mingħajr assigurazzjoni u li naqas milli jipprevjeni reat li kien obbligat jevita.
Huwa kien akkużat ukoll li b’mod involontarju għamel ħsara fil-karozza li saq, li ma kinitx tiegħu, u li għamel ħsara fuq żewġ karozzi kif ukoll żewġ muturi.
Il-każ ġie aġġornat għat-13 ta’ Jannar fl-10am quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech.