Il-Qorti tal-Appell Kriminali rreferiet lura għand il-Qorti tal-Maġistrati l-każ ta’ għalliem tal-pjanu ta’ 28 sena minn Għawdex ikkundannat li abbuża tliet tfal iżda li kien evada l-ħabs wara li ngħata probation.
Il-qorti ta’ grad ogħla qalet li l-piena ta’ probation għal tliet snin – imposta mill-Maġistrat Leonard Caruana – ma kinitx konformi mal-istandards legali, peress li delitti bħal dawn, aggravat li kienu mwettqa minn persuna f’pożizzjoni ta’ fiduċja u fuq vittmi taħt it-12-il sena, iġorru piena ta’ bejn 6 sa 12-il sena ħabs.
Il-Maġistrat Caruana kien sab lill-akkużat ħati bbażat fuq xhieda konsistenti u kredibbli mit-tliet tfal – ta’ ħames, seba’ u ħdax -il sena – iżda wara li qara rapport ta’ inkjesta soċjali ddeċieda li piena ta’ priġunerija mhux dejjem tkun l-iktar xierqa.
Ir-rapport kien jindika li l-akkużat ma kellu ebda problemi ta’ imġiba jew psikoloġiċi, u li martu – omm it-tarbija tagħhom – iddeskrivietu bħala “raġel eżemplari”. Il-qorti kienet irrimarkat li minkejja s-serjetà tad-delitti, sentenza effettiva kienet “tikkawża ħsara sproporzjonata” lill-akkużat, u li l-vittmi kienu rnexxielhom jimxu ’l quddiem f’ħajjithom u jkomplu l-istudji tal-mużika ma’ għalliema oħra.
Minbarra l-probation u ordni ta’ trattament, l-akkużat tpoġġa wkoll fir-Reġistru tal-Offiżi Sesswali, li jipprojbixxih jaħdem fi kwalunkwe rwol li jinvolvi tfal.
L-appell tal-Avukat Ġenerali
L-Avukat Ġenerali appella, u sostna li għal każ aggravat ta’ abbuż ta’ minuri taħt it-12-il sena u mwettaq minn persuna ta’ fiduċja, il-liġi ma tippermettix probation. Il-possibbiltà ta’ probation, sostna l-AG, teżisti biss meta l-piena massima ma taqbiżx ċertu limiti – u fil-każ tiegħu kienet tilħaq sa 12-il sena ħabs.
Il-qorti nnutat li għalkemm normalment ma tinvolvix ruħha fid-diskrezzjoni tal-qorti inferjuri, il-piena trid dejjem tkun imposta fil-konfini tal-liġi. Hija għalhekk annullat is-sentenza ex officio u ordnat li l-każ jerġa’ jinstema’ mill-Qorti tal-Maġistrati għall-piena xierqa skont il-liġi.
Il-każ issa jerġa’ jmur quddiem l-istess grad ta’ qorti biex tkun imposta piena ġdida.
Il-ġudikatura kienet preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, filwaqt li l-akkużat kien rappreżentat mill-avukati Franco Debono u Marion Camilleri.