Raġel Ċiniż ta’ 45 sena, Chenghui Chen, li jgħix San Ġiljan u bħalissa jinsab bla xogħol tressaq il-Qorti fejn wieġeb mhux ħati għall-akkużi li weġġa’ gravi lil eks sieħba, ħafif lill-ħaddiema tad-dar tagħha, u li żammhom flimkien mat-tifla ta’ disa’ snin kontra r-rieda tagħhom.
Chen tressaq ukoll akkużat li kkawża biża’ ta’ vjolenza, kif ukoll li għamel ħsara fil-proprjetà tal-eks sieħba tiegħu.
Il-prosekuzzjoni spjegat li l-każ seħħ nhar is-27 ta’ Ottubru 2025, meta għall-ħabta tal-5.30pm il-pulizija ġew imsejħa f’appartament f’San Ġiljan fejn sabu lill-mara bid-demm minn ferita f’rasha, flimkien mal-cleaner tad-dar u t-tifla tagħha.
Skont ix-xhieda tal-cleaner, il-koppja kienet argumentat filgħodu, waqt li Chen allegatament taha daqqa ta' sieq f’rasha. Huwa rabatha mas-sodda u wara ħakem ukoll lill-cleaner.
Meta t-tifla reġgħet lura mll-iskola, l-akkużat rabtilha saqajha mal-istess sodda qabel telaq mill-post. It-tifla rnexxielha tinħeles hi stess u tgħin lill-omm u lill-cleaner tad-dar biex isejħu l-għajnuna.
Ftit wara, il-pulizija sabu lil Chen mitluf minn sensih qrib ir-residenza. Huwa ttieħed l-Isptar Mater Dei u aktar tard ittieħed l-isptar Mount Carmel wara li hedded li jtemm ħajtu. Wara li tneħħa mill-isptar, ġie arrestat.
Matul l-interrogazzjoni, Chen qal li kien taħt l-effett tal-alkoħol u ma ftakarx x’ġara. Huwa sostna li ma jixrobx ta’ spiss, iżda kien imdejjaq minħabba t-tmiem tar-relazzjoni tiegħu, li skontu kienet “qarqitu” għax ma għinietux isib xogħol.
Id-difiża, immexxija mill-avukat tal-għajnuna legali François Dalli, issuġġeriet li l-akkużat jista’ joqgħod għand ħabib f’Tas-Sliema jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest. Madankollu, il-prosekuzzjoni – immexxija mill-avukat tal-Avukat Ġenerali Kristina Bartolo u l-Ispettur Omar Zammit – oġġezzjonat minħabba r-riskju ta’ tbagħbis max-xhieda u n-nuqqas ta’ rabtiet stabbli f’Malta.
Il-Maġistrat Elaine Rizzo ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, billi enfasizzat is-serjetà tal-akkużi u l-possibbiltà ta’ reċidiva.
Il-Qorti wkoll irrifjutat it-talba tad-difiża biex jiġu pprojbiti l-pubblikazzjoni tal-ismijiet, peress li l-akkużat u t-tifla ma jaqsmux l-istess kunjom u ma kien hemm ebda bażi legali għal tali projbizzjoni.
Il-każ għadu għaddej.