Raġel ta’ 39 sena tressaq il-Qorti nhar l-Erbgħa, akkużat li kiser l-mirjiet ta’ erba’ karozzi pparkjati fi Triq Balbi, il-Marsa.
Mahamed Hassan Muhudin ġie mixli quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana bi ħsara intenzjonata lill-vetturi kif ukoll li jgħix ħajja ta’ vagabund u bla xogħol.
Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Elisa Scicluna, spjegat li l-pulizija ġew infurmati minn raġel li ra individwu jivvandalizza karozzi fil-lokalità.
Meta l-investigaturi eżaminaw filmati tas-sigurtà, deher raġel jgħaddi minn ħdejn karozzi pparkjati u jżomm idu wara dahru qabel qala' l-l-mirjiet minn kull waħda minnhom.
L-ispettur żiedet tgħid li l-akkużat kien liebes l-istess ħwejjeġ meta ġie arrestat bħal dawk li dehru fil-filmati.
Jiċħad l-akkużi u jinżamm arrestat
L-avukat Rachel Tua, li dehret għal Muhudin, daħħlet talba ta’ mhux ħati f’ismu. Minħabba li l-akkużat ma għandux indirizz fiss, il-qorti ma tatx il-ħelsien mill-arrest f’dan l-istadju.
Il-Maġistrat Leonard Caruana ordna li Muhudin jinżamm taħt arrest sakemm jitkompla l-proċess kontrih.
Il-każ għadu għaddej.