Il-Qorti tal-Maġistrati ċaħdet talba għal danni ta’ aktar minn sitt elef ewro (€6,232) li kienet saret minn ħames kumpaniji tal-assigurazzjoni ewlenin flimkien ma’ APS Bank kontra l-Water Services Corporation (WSC), wara li sabet li ma ġietx ippruvata l-ebda responsabbiltà min-naħa tal-entità statali.
Il-kawża kienet tressqet minn Citadel Insurance plc, GasanMamo Insurance Ltd, Atlas Insurance PCC Ltd, Elmo Insurance Ltd, Argus Insurance Company (Europe) Ltd, u APS Bank plc rigward inċident li seħħ fit-12 ta’ Ottubru 2018, meta dranaġġ ħareġ fil-premises tal-fergħa ta’ APS Bank fi Triq Michelangelo Borg, San Ġiljan, u kkawża ħsara lill-għamara, ħitan tal-ġibs, bibien u madum.
L-assiguraturi u l-bank sostnew li seħħet minħabba negliġenza tal-WSC fil-manutenzjoni tas-sistema tad-dranaġġ pubbliku. Huma talbu kumpens totali ta’ €6,232.14, li jinkludi €5,555.60 imħallsa mill-assiguraturi, €676.54 lill-loss adjuster Resolve Consulting Ltd, u €250 bħala excess tal-polza.
Għalkemm il-WSC inizjalment naqset milli tippreżenta risposta, aktar tard daħlet fil-proċeduri u ċaħdet ir-responsabbiltà, b’uffiċjal tagħha jiddikjara li l-ħsara kienet ikkawżata minn xogħlijiet privati mhux awtorizzati mwettqa minn kuntrattur f’isem il-Parroċċa ta’ San Ġiljan. Skont ix-xhud, kienet saret konnessjoni sigrieta u irregolari ma’ manhole ewlieni tad-dranaġġ mingħajr l-approvazzjoni tal-WSC.
Il-Maġistrat Joseph Axiak nnota li, skont l-Att dwar il-Water Services Corporation, il-WSC għandha dmir li żżomm is-sistema tad-dranaġġ. Madankollu, il-qorti qalet li l-atturi ma pprovdux biżżejjed evidenza li turi li kien hemm xi ksur ta’ dan l-obbligu jew li kien hemm rabta diretta bejn l-azzjonijiet tal-WSC u l-ħsara li seħħet.
Il-qorti rrimarkat li l-assiguraturi kienu jiddependu kważi kompletament fuq rapport preliminari ta’ loss adjuster, iżda la hu u lanqas il-maniġer tal-fergħa tal-bank, li kien imsemmi fir-rapport, ma ġew imsejħa biex jixhdu. Barra minn hekk, ir-rapport ma kienx sostnut b’evidenza fotografika ċara, u r-ritratti ppreżentati kienu ta’ kwalità fqira.
Il-Maġistrat Axiak enfasizza wkoll li l-atturi fallew milli jikkrossa-eżaminaw lill-maniġer tal-operazzjonijiet tar-reġjun ċentrali tal-WSC, li kien ippreżenta l-affidavit li fih ġiet introdotta t-talba ewlenija dwar ix-xogħlijiet mhux awtorizzati.
Il-qorti osservat ukoll li l-manhole in kwistjoni kien jidher li jinsab fuq proprjetà privata, u ma ġiet ippreżentata l-ebda prova li dan kien installat jew approvat mill-WSC.
B’hekk, il-qorti sabet li l-atturi ma laħqux l-istandard ta’ prova meħtieġ f’tali każijiet u għalhekk ċaħdet it-talba kollha, billi ordnat li l-assiguraturi u l-bank iħallsu l-ispejjeż tal-kawża.