Studenta tingħata l-ħelsien mill-arrest wara li allegatament weġġgħet lill-għarus tagħha

Tfajla ta’ 20 sena ġiet akkużata li weġġgħet b’mod ħafif lill-għarus tagħha b’oġġett jaqta’ waqt argument domestiku li seħħ fil-Ħamrun aktar kmieni din il-ġimgħa

L-istudenta li tħalliet taħt kundizzjonijiet stretti ta’ ħelsien mill-arrest il-Ħamis waranofsinhar, wieġbet mhux ħatja għall-akkużi li għamlet ħsara fiżika ħafifa lill-partner tagħha b’għodda jaqta’, waqt li kienet qed tiddefendi ruħha.

Skont il-Pulizija, il-każ seħħ filgħaxija tal-21 ta’ Ottubru, wara argument li kien ilu għaddej il-ġurnata kollha bejn il-koppja. Il-ġlieda finali, allegatament, inqalgħet fuq laptop, fejn il-vittma għafasha minn għonqha, u hi, “biex tiddefendi ruħha”,aġġixiet lura. Il-familja tal-akkużata kienet preżenti waqt il-ġrajja.

Il-vittma ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi ħfief, sar rapport lill-pulizija, u l-akkużata ġiet arrestata.

Matul is-seduta tal-qorti, id-difiża – immexxija mill-avukati José Herrera, Martina Herrera u Naomi Spiteri – argumentat li l-akkużata, studenta tan-negozju fl-MCAST, kienet vittma ta’ trattament ħażin kontinwu u li rreaġixxiet ta' dak il-ħin meta kienet qed tiġi fgata.

L-avukat Herrera enfasizza li l-akkużata ma tgħixx mal-vittma u li ommha, li hija xhud potenzjali, għandha d-dritt li tirrifjuta li tixhed, u għalhekk ma hemmx riskju ta’ tfixkil fix-xhieda.

Id-difiża talbet ħelsien mill-arrest, u ddeskriviet bħala “inġustizzja” li studenta ta’ 20 sena b’rekord nadif u indirizz fiss tinżamm taħt arrest.

Il-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Sherona Buhagiar, oġġezzjonat għat-talba, billi għad hemm diversi xhieda ewlenin, fosthom il-vittma u membri tal-familja, li għad iridu jixhdu.

F’ħin minnhom, is-seduta saret tensjonata meta l-avukat Herrera interropa lil parte civile, li kienet qed tindirizza lill-qorti, u l-maġistrat wissieh biex jieqaf jitkellem jekk ma kienx qed jagħmel sottomissjonijiet relatati mal-ħelsien.

Wara li semgħet iż-żewġ naħat, il-Qorti tat il-ħelsien mill-arrest lill-akkużata b’depożitu ta’ €1,500 u garanzija personali ta’ €3,000, bil-kundizzjoni li tiffirma l-għassa taż-Żurrieq erba’ darbiet fil-ġimgħa u tosserva curfew bejn id-9 ta’ filgħaxija u s-6 ta’ filgħodu.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma u membri tal-familja tiegħu, u wissiet lill-akkużata dwar il-konsegwenzi serji ta’ kwalunkwe ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien.

Id-difiża talbet ukoll projbizzjoni fuq il-pubblikazzjoni tal-isem tal-akkużata, minħabba li hija studenti żagħżugħa u l-każ jinvolvi ċirkostanzi domestici sensittivi.

L-avukata Francesca Zarb dehret għall-parte civile.

More in Qrati u Pulizija