Il-Qorti Ċivili tirrifjuta talba tal-Gvern kontra l-UPE dwar id-direttivi tal-LSEs
Id-deċiżjoni ttenni d-dritt tal-union li toħroġ direttivi bħala parti mil-libertajiet assoċjattivi tagħha
More in Qrati u Pulizija
Id-deċiżjoni ttenni d-dritt tal-union li toħroġ direttivi bħala parti mil-libertajiet assoċjattivi tagħha
Il-Qorti Ċivili , preseduta mill-Imħallef Audrey Demicoli, irrifjutat talba tal-Gvern għal inibizzjoni proviżorja li kienet maħsuba biex iġġiegħel lill-Union of Professional Educators (UPE) tissospendi żewġ direttivi li jaffettwaw il-Learning Support Educators (LSEs).
Fil-ġudizzju tagħha, il-qorti qalet li l-każ ma jaqax taħt il-parametri ta’ rimedju ġudizzjarju bħal dan, u enfasizzat id-dritt tal-union li toħroġ direttivi bħala parti mill-libertajiet assoċjattivi tagħha.
Il-kawża tal-Gvern
Din kienet tressqet fit-3 ta’ Ottubru 2025 mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni u mid-Direttur Ġenerali għas-Servizzi Edukattivi, li riedu jwaqqfu żewġ direttivi tal-UPE.
L-ewwel direttiva projbixxiet lill-LSEs tal-Year 11 milli jiġu ridistribwiti fi skejjel oħra wara li l-istudenti tagħhom itemmu l-edukazzjoni sekondarja, filwaqt li t-tieni waħda ordnat lill-LSEs biex ma jissostitwixxux kollegi li jkunu fuq leave tal-mard, speċjali jew maternità.
Il-Gvern sostna li dawn il-miżuri ċaħdu lill-istudenti vulnerabbli mis-sapport essenzjali u kkawżaw ħsara fil-proċess edukattiv.
Il-pożizzjoni tal-UPE
L-UPE, min-naħa tagħha, opponiet it-talba u qalet li l-inibizzjoni kienet difettuża legalment, billi d-direttivi kienu diġà daħlu fis-seħħ u għalhekk ma setgħux jitqiesu bħala obbligazzjoni di non fare — jiġifieri obbligu li wieħed ma jagħmilx att.
L-union insistiet li l-ebda ħsara ma kienet qed issir lill-istudenti, u li n-nuqqas ta’ riżorsi umani u d-djalogu soċjali limitat kienu l-veru kawża tal-problema.
Ir-raġunament tal-Qorti
Il-qorti rreferiet għall-Artikolu 873 tal-Kapitlu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta, li jistabbilixxi tliet kundizzjonijiet meħtieġa biex tingħata inibizzjoni: id-dritt prima facie, il-ħtieġa li dak id-dritt jiġi protett, u preġudizzju li ma jistax jissewwa.
Filwaqt li rrikonoxxiet id-dmir tal-Ministeru li jħares id-dritt għall-edukazzjoni, il-qorti enfasizzat ukoll li il-membri tal-UPE għandhom id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u għal-libertà ta’ assoċjazzjoni. Hija sostniet li d-direttivi ma kinux sproporzjonati, billi l-LSEs tal-Year 11 baqgħu jaħdmu fl-istess skejjel tagħhom.
Il-qorti wkoll irreferiet għal deċiżjoni preċedenti fejn ġie stabbilit li d-drittijiet tal-membri tal-UPE ma jistgħux jiġu injorati sempliċement għax union oħra għandha maġġoranza fis-settur.
B’hekk, il-qorti rrevokat l-mandat proviżorju tagħha maħruġ fit-3 ta’ Ottubru u ċaħdet definittivament l-applikazzjoni tal-gvern, u ordnat lir-rikorrenti jħallsu l-ispejjeż.
Il-UPE kienet rappreżentata mill-avukati Jason Azzopardi, Kris Busietta u Alessandro Farrugia, filwaqt li l-Ministeru tal-Edukazzjoni kien rappreżentat mill-avukati Chris Cilia u Stefano Filletti.