Eks-infermier jingħata sentejn ħabs wara fastidju sesswali ta' snin sħaħ lil kollega

Il-qorti semgħet dwar avvanzi mhux mixtieqa ripetuti, messaġġi vulgari u abbuż ta’ poter minn uffiċjal tal-isptar

Raġel ta’ 56 sena, ex-infermier f’Mater Dei, ġie kkundannat sentejn ħabs u mmultat €15,000 wara li nstab ħati li fastidja sesswalment lil kollega tiegħu fuq perjodu ta’ bosta snin.

L-akkużat, li ismu ma ġiex pubblikat fid-dokumenti tal-qorti, instab ħati mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace ta’ fastidju sesswali persistenti, attentat ta’ ksur tal-modestja, u kondotta offensiva f’post pubbliku. Ir-reati seħħew bejn l-2009 u l-2016, l-aktar ġewwa l-isptar fejn iż-żewġ persuni kienu jaħdmu.

Il-qorti semgħet kif l-akkużat, li dak iż-żmien kellu kariga anzjana fis-settur tal-infermerija, kien kontinwament jagħmel avvanzi mhux mixtieqa, kummenti vulgari u mistoqsijiet invażivi dwar ġisimha. Il-vittma qalet li l-fastidju beda wara tieġ fl-2009, meta r-raġel għamel kumment dwar siderha. Minn hemm ‘il quddiem, l-imġiba tiegħu eskalat f’abbuż verbali u fiżiku li dam snin twal.

F’okkażjoni waħda, il-mara xehdet li waqt li kienet qed tuża l-kompjuter fl-uffiċċju tiegħu, hu resaq minn warajha, neħħilha l-bra, messha b’mod indeċenti u anki wera lilu nnifsu. Minkejja r-rifjut ċar tagħha u l-inkwiet li ġarrbet, il-fastidju baqa’ għaddej bla waqfien.

Rapport forensiku ppreżentat mill-espert IT Dr Martin Bajada wera bosta messaġġi sesswalment espliciti mibgħuta mill-mowbajl tal-akkużat lill-vittma bejn Diċembru 2014 u Ġunju 2016. Il-messaġġi kienu jinkludu referenzi ripetuti għall-ħwejjeġ ta’ taħt u l-ġisem tagħha, fosthom wieħed li qal: “Kun fl-uffiċju tiegħi kwarta oħra. Aġenda: kulur, forma u ħoss.”

Għalkemm xi messaġġi kienu tħassru u ma setgħux jiġu rkuprati, l-evidenza li baqgħet kienet tikkonferma b’saħħitha l-verżjoni tal-vittma.

Kollegi fl-isptar iddeskrivew lill-vittma bħala persuna kwieta u riservata, u kkonfermaw li kienet qaletilhom dwar l-imġiba tal-akkużat. Il-pulizija daħlu fuq il-każ wara rapport formali li saret permezz tal-prokuratur legali Peter Paul Zammit.

Il-vittma spjegat ukoll kif mill-2012 ‘l hawn, l-akkużat kien jibgħatilha messaġġi fuq il-pager tax-xogħol, il-mowbajl u l-email tagħha biex tinsisti tmur fl-uffiċċju tiegħu, fejn kien jirrivelalu nnifsu minkejja li kienet tirrifjuta kontinwament. Il-fastidju baqa’ sejjer bla waqfien, anki fil-Milied tal-2015 meta bagħtilha: “Merry Christmas 2 u and all d family. Given its xmas may I ask somethings u may assume about what?” (Il-Milied it-tajjeb lilek u lil familja kollha. Hekk kif inhu l-Milied, jimporta nistaqsik għal xi ħaġa, tista tassumi rigward xiex?) F’okkażjoni oħra qalilha: “Jien dejjem nieħu dak li rrid.”

Fis-sentenza dettaljata ta’ 93 paġna tagħha, il-Maġistrat Micallef Stafrace ddeskriviet lill-vittma bħala “konsistenti u kredibbli”, u kkundannat l-imġiba tal-akkużat bħala “irraġonevoli u kompletament inġustifikabbli.”

Għalkemm il-qorti ċaħdet l-akkuża ta’ stalking, sabitu ħati tal-akkużi l-oħra u kkundannatu għal sentejn ħabs u multa ta’ €15,000, flimkien mal-ħlas tal-ispejjeż tal-espert u kumpens lill-vittma.

More in Qrati u Pulizija