Raġel ikkundannat 14-il sena ħabs u multa ta’ €15,000 fuq traffikar ta’ droga

 

Raġel ikkundannat 14-il sena ħabs u mmultat €15,000 wara li ammetta akkużi ta’ traffikar u pussess ta’ droga li jinvolvu pjanta tal-kannabis u sustanza psikotropika oħra

Raġel Rumen ta’ 34 sena, Ion Palade, inqabad ħati ta’ traffikar u pussess ta’ droga wara li ammetta l-akkużi quddiem il-Qorti Kriminali. Huwa ngħata sentenza ta’ erbatax-il sena ħabs u multa ta’ €15,000, flimkien mal-konfiska tal-propjetà kollha tiegħu.

Il-każ jmur lura għal Marzu 2025, meta l-investigaturi rabtu lil Palade ma’ netwerk usa’ ta’ traffikar ta’ droga li kien jopera bejn Malta u pajjiżi oħra. Hu kien akkużat li kkooperat ma’ persuni oħra f’Malta u barra minn Malta bil-għan li jbiegħ u jittraffika pjanta tal-kannabis u sustanzi psikotiċi oħra, mingħajr awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Palade wieġeb ħati għall-akkużi waqt is-seduta tal-1 ta’ Settembru 2025, wara li l-Qorti spjegatlu l-konsegwenzi legali u l-pieni massimi li setgħu jiġu imposti. Il-Qorti tatu wkoll żmien biex jikkonferma l-ammissjoni tiegħu.

Il-Ġimgħa ta’ wara, l-Avukat Ġenerali ddeċieda li jressaq il-każ bħala bill of indictment, billi l-akkużi jġorru magħhom pieni ta’ aktar minn tnax-il sena ħabs. Fis-17 ta’ Settembru, il-prosekuzzjoni u d-difiża ressqu talba konġunta biex il-Qorti timponi sentenza ta’ 14-il sena ħabs u multa ta’ €15,000.

Meta l-każ instema’ fit-30 ta’ Settembru, iż-żewġ naħat ikkonfermaw il-ftehim u l-akkużat qal li kien jifhem sewwa l-konsegwenzi ta’ dak li kien qed jaċċetta.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, irrimarkat li l-akkużat kellu rekord nadif u li ammetta qabel ma l-każ wasal għall-istadju tal-indikament, sinjal ta’ ċerta kooperazzjoni mal-awtoritajiet. Madankollu, l-Imħallef enfasizza l-gravità tal-akkużi, li kienu jikkonċernaw attività kriminali organizzata u t-traffikar ta’ sustanzi perikolużi, “li jirrappreżentaw theddida serja għas-soċjetà”.

Minbarra l-ħabs u l-multa, il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-assi, il-propjetà u l-flus kollha tal-akkużat, kif ukoll il-ħruq ta’ kull droga u oġġett relatat ladarba s-sentenza ssir finali.

Palade ġie ordnat iħallas kwart tal-ispejjeż tal-esperti, li jammontaw għal €3,394.97, fi żmien sentejn, inkella jiffaċċja terminu addizzjonali ta’ ħabs.

Il-Qorti qalet li s-sentenza tirrifletti kemm il-ġudikatura tħares b’serjetà lejn reati relatati mat-traffikar fuq skala kbira, u kif fl-istess ħin tqis il-fatt li l-akkużat ammetta l-ħtija tiegħu kmieni fil-proċess.

Il-prosekuzzjoni kienet immexxija mill-avukat tal-Avukat Ġenerali Maria Francesca Spiteri, filwaqt li d-difiża kienet immexxija mill-avukati Jose Herrera, Martina Herrera u Naomi Spiteri.

More in Qrati u Pulizija