Koppja tressqet il-qorti akkużata bi ffalsifikar ta’ flus, ħolqien u użu ta’ flus foloz, kif ukoll pussess ta’ strumenti użati għall-iffalsifikar jew bidla ta’ flus.
Il-każ kontra r-raġel jinkludi wkoll li kkaġuna ġrieħi ħfief lill-eks sieħba tiegħu u li ġiegħelha tibża’ li seta’ juża vjolenza kontrinha.
Il-pulizija kienu qed jinvestigaw l-użu ta’ flus foloz, investigazzjoni li wasslet għall-arrest taż-żewġ akkużati. Tfittxija fir-residenza tagħhom żvelat li kienu qed jipproduċu flus foloz għall-użu personali tagħhom.
Meta ġiet arrestata, il-mara qalet li kienet mbeżżgħa mis-sieħeb tagħha u allegat li ġiegħelha tuża l-flus foloz. Hija ressqet rapport ta’ vjolenza domestika, u allegat li sofriet ġrieħi ħfief.
Valutazzjoni tar-riskju tat riżultat ta’ 26, li ġie kklassifikat bħala riskju għoli.
Id-difiża talbet il-ħelsien mill-arrest, iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi sostniet li l-akkużi huma serji ħafna u li l-allegata vittma għadha ma xehditx. Il-prosekuzzjoni żiedet tgħid li l-akkużat ma għandux indirizz fiss peress li jgħix mal-allegata vittma.
Id-difiża sostniet li l-provi ewlenin, fosthom printer, noti foloz u filmati li juru l-użu ta’ flus foloz fi ħwienet, diġà nġabru u jinsabu f’idejn il-pulizija. Għaldaqstant, ma kien hemm l-ebda riskju ta’ tbagħbis fil-provi.
Dwar il-kwistjoni tar-residenza, id-difiża spjegat li l-akkużat issa se jgħix f’indirizz alternattiv ma’ ommu.
L-avukat tad-difiża George Anton Buttigieg irrimarka li meta rrikonoxxa l-isem tas-sieħba tal-akkużat, dan inqabad b’xokk, għax kien diġà sabha f’każijiet oħra u sostna li “kull min jidħol f’relazzjoni magħha jispiċċa akkużat.”
Hu argumenta li r-rapport ta’ vjolenza domestika sar minn għira jew bi tpattija. Fir-rigward tal-valutazzjoni ta’ riskju għoli, l-avukat sostna li l-mara taf tajjeb kif twieġeb il-mistoqsijiet biex ir-riżultat joħroġ riskju għoli. “Dan mhux każ ta’ riskju veru,” qal.
Id-difiża kkonkludiet li l-qorti għandha l-mezzi kollha biex tiżgura li ma jkunx hemm kuntatt bejn l-akkużat u l-allegata vittma.
Il-qorti ċaħdet il-ħelsien mill-arrest għall-ir-raġel u ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-mara.
L-allegata vittma wkoll ġiet akkużata u kkundannata
Il-mara wkoll tressqet akkużata bi ffalsifikar ta’ flus, ħolqien u użu ta’ flus foloz, kif ukoll pussess ta’ għodod użati għall-iffalsifikar jew bidla ta’ flus.
Hija ammettiet l-akkużi.
Minħabba l-ammissjoni bikrija tagħha, il-prosekuzzjoni sostniet li għandha tingħata sentenza sospiża fil-massimu tagħha. L-avukat tal-għajnuna legali argumenta li l-mara għandha tarbija ta’ seba’ xhur u għalhekk għandha tingħata sentenza sospiża minima.
Il-maġistrat Charmaine Galea kkundannat lill-mara għal erba’ snin ħabs sospiżi għal sentejn.
L-ispetturi Kurt Farrugia u Antonello Magri flimkien mal-avukat tal-Avukat Ġenerali Alessia Schembri ipprosekutaw.
L-avukat George Anton Buttigieg deher għar-raġel. Il-każ kien presedut mill-Maġistrat Charmaine Galea.