Borg Cardona qed jiffaċċja akkużi ta’ diskors ta’ mibegħda wara li poġġa kumment fuq Facebook li kien jgħid: “Nistgħu nagħmlu l-ewtanażja obbligatorja għal-Labour trolls?” Il-każ beda wara rapport li Stagno Navarra għamel mal-pulizija.
Il-qorti ġiet infurmata li l-pulizija ppruvat isservi l-ittra tas-sejħa darbtejn, iżda l-kuntistabbli u s-surġent ma sabuhx fid-dar irreġistrata tiegħu. L-Ispettur James Mallia rrefera kif ċemplilu, u Stagno Navarra kkonferma li kien se jattendi s-seduta.
Madanakollu, il-kwerelant ma deherx il-qorti, u l-avukat tad-difiża Kris Busietta qal li l-każ għandu jitwaqqa’ minħabba n-nuqqas tiegħu.
Mistoqsi għaliex Stagno Navarra ma setax jinstab fid-dar irreġistrata tiegħu, l-Ispettur Mallia qal li dan kien qal lill-pulizija li ma joqgħodx hemm u li “ma kellux indirizz fiss”.
L-ispettur insista li ried jippreżenta x-xhieda tal-kwerelant, waqt li d-difiża argumentat li l-każ għandu jitwarrab.
Is-seduta ġiet differita.
Minn post fuq Facebook li ttella’ filgħodu, jidher li Stagno Navarra ħaseb li s-seduta kienet se ssir nhar il-Ġimgħa.
“Filgħodu se nidher il-qorti fejn se nixhed rigward ilment kriminali li kont għamilt f’Mejju li għadda kontra Andrew Borg Cardona dwar diskors ta’ mibegħda kontra s-sostenituri tal-Partit Laburista, fejn staqsa fuq Facebook għaliex ma ssirx l-ewtanasja obbligatorja għall-partitarji Laburisti,” kiteb.
“Aktar minn 3,000 minnkom kienu ffirmaw petizzjoni favur din l-azzjoni. Nirringrazzja lill-Korp tal-Pulizija talli aġixxa fuq l-ilment.”
F’post ieħor, insista li kien il-qorti nhar il-Ġimgħa fil-ħin u d-data li l-pulizija talbuh ikun preżenti.
L-Ispettur James Mallia ipproċeda l-każ.
L-avukati Jason Azzopardi u Kris Busietta qed jidhru f’isem Borg Cardona.