Il-Qorti tal-Appell Kriminali rriffjuta appell imressaq mill-Avukat Ġenerali f’każ li jmur lura 18-il sena u li kien jinvolvi serq ta’ affarijiet ta’ valur storiku u reliġjuż minn knisja f’Għawdex.
Il-proċeduri kienu jikkonċernaw lil Salvatore Licciardello, akkużat bis-serq ta’ ġojjellerija u ornamenti sagri minn pittura tal-Madonna fil-Knisja ta’ San Awgustin, ir-Rabat, Għawdex, nhar it-23 ta’ Lulju 2007. Hu kien ukoll mixli li kkawża ħsara lil proprjetà kulturali u monumenti.
Fl-2019, il-Qorti tal-Maġistrati kienet illiberatu minn kull akkuża, u nhar l-4 ta’ Frar ta’ dik is-sena l-Avukat Ġenerali ressaq appell, fejn sostna li l-ewwel qorti kienet żbaljat kemm fl-interpretazzjoni tal-liġi kif ukoll fl-evalwazzjoni tal-provi – b’mod partikolari f’relazzjoni ma’ marki tas-swaba’ li allegatament kienu jikkorrispondu b’mod uniku mal-akkużat.
Id-difiża, iżda, qalet li l-appell kien sottomess tard u għalhekk kien null. Il-Qorti tal-Appell, wara li eżaminat it-timeline, qalet li l-ġudizzju kien ingħata fl-14 ta’ Jannar 2019 u l-Avukat Ġenerali rċieva l-fajl fil-17 ta’ Jannar. Skont il-liġi, kellu 12-il ġurnata tax-xogħol biex iressaq appell, jiġifieri sal-1 ta’ Frar. Minħabba li l-appell kien tressaq fit-4 ta’ Frar, ġie deċiż li kien barra l-ħin stabbilit mil-liġi.
Għaldaqstant, il-qorti aċċettat l-oġġezzjoni preliminari tad-difiża u ddikjarat l-appell bħala invalidu, mingħajr ma daħlet fil-mertu tal-provi jew tal-marki tas-swaba’.
B’riżultat ta’ hekk, il-ħelsien mill-akkużi li ngħata Licciardello fl-2019 jibqa’ fis-seħħ.
Is-seduta quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.