L-allegat hacker Daniel Joe Meli mhux se jiġi estradit lejn l-Istati Uniti, hekk kif iddeċidiet il-Qorti nhar il-Ħamis filgħodu.
Meli, ta’ 28 sena, huwa mfittex mill-awtoritajiet Amerikani biex jiffaċċja akkużi relatati mal-bejgħ ta’ malware tal-kompjuter. Huwa kien arrestat inizjalment fl-2024 u kien ilu jiġġieled kontra l-estradizzjoni tiegħu lejn l-Istati Uniti wara li kien qabel magħha fl-ewwel istanza. Għalkemm kien irnexxielu jikkontesta l-estradizzjoni, l-Avukat Ġenerali kien ressqet appell.
F’Lulju li għadda, il-Qorti tal-Appell Kriminali kienet irritornat l-attijiet tal-każ lura għand il-Qorti tal-Maġistrati sabiex it-talba għall-estradizzjoni tiġi deċiża mill-ġdid.
Nhar il-Ħamis, il-Qorti tal-Impenn preseduta mill-Maġistrat Elaine Rizzo ddeċidiet li l-prosekuzzjoni naqset milli tipprova l-każ ta’ estradizzjoni fuq bażi prima facie, u għalhekk il-Qorti ma kinitx sodisfatta li Meli kellu jiġi estradit. Konsegwentement, it-talba għall-estradizzjoni ġiet miċħuda.