Imħallef tisħaq fuq pieni aktar ħorox f’każijiet ta’ vjolenza domestika

Il-kundanni ta’ vjolenza domestika għandhom iġorru pieni aktar ħorox, tisħaq l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ħeġġet lill-ġudikatura biex timponi pieni aktar ħorox fuq dawk ikkundannati b’vjolenza domestika.

Fit-4 ta’ Settembru, hija ċaħdet l-appell ta’ raġel ikkundannat f’Lulju 2023 wara li kien instab ħati ta’ vjolenza domestika kontra l-partner tiegħu. Ir-raġel kien ġie mmultat €5,000 mill-Qorti tal-Maġistrati wara li nstab ħati li insulta u hedded lill-mara, inkluż permezz ta’ apparat elettroniku.

L-inċident kien seħħ waqt diskussjoni dwar l-aċċess għat-tifla minuri tagħhom, li kienet toqgħod mal-omm.

Fil-każ tiegħu, l-akkużat argumenta li r-relazzjoni tagħhom kienet tjiebet minn dakinhar u li kien talab l-għajnuna meħtieġa.

Iżda Scerri Herrera enfasizzat il-fatt li r-raġel ċempel lill-mara erba’ darbiet, waqt li insulta u weġġagħha f’preżenza tat-tifla tagħhom. L-Imħallef innutat ukoll li semgħet recordings fejn it-tifla kienet tinstema’ tibki u ssejjaħ lill-omm tagħha, viżibbilment imbeżża’.

F’waħda mir-recordings, ir-raġel instema’ jgħid: “Se nkissirlek snienek,” flimkien ma’ kliem offensiv ieħor. L-Imħallef irrimarkat li dan kollu ġara fil-preżenza tat-tifla, waqt li kienet taħt il-kura tiegħu.

Hija ddeskriviet l-imġiba tar-raġel bħala kompletament inaċċettabbli, u enfasizzat li l-ebda forma ta’ vjolenza domestika m’għandha tiġi ttollerata. “Imġiba bħal din m’għandhiex post fis-soċjetà tagħna u l-qorti ma turi ebda tolleranza lejn min jikkawża trawma fit-tul lill-vittmi.”

Scerri Herrera kompliet tgħid li wasal iż-żmien li l-qrati jibdew iqisu pieni ferm aktar ħorox f’każijiet ta’ vjolenza domestika. “Il-qorti qed tibgħat messaġġ ċar li l-individwi fis-soċjetà tagħna huma mistennija jġibu ruħhom b’rispett f’kull ħin u ma jistgħux jirrikorru għall-vjolenza bħala mezz biex jbeżżgħu jew idgħajfu lill-partner tagħhom,” irrimarkat l-Imħallef.

More in Qrati u Pulizija