Raġel inżamm arrestat wara li gidem subgħa ta' raġel ieħor f’Bormla

Raġel miċħud il-ħelsien mill-arrest talli giddem subgħa ta' raġel waqt ġlieda

Raġel inżamm arrestat wara li gidem subgħajh raġel ieħor waqt argument f’Bormla.

Ivan Agius, ġardinar ta’ 52 sena, deher il-qorti nhar il-Ġimgħa u ġie akkużat li weġġa’ gravi lill-allegata vittma, insultah, kiser il-paċi pubblika u li kien reċidiv.

Huwa ġie akkużat ukoll li kiser libertà kondizzjonali.

L-Ispettur Gabriel Kitcher qal lill-qorti li lbieraħ, l-akkużat u l-allegata vittma kienu involuti f’alterkazzjoni fiżika. Irriżulta li l-akkużat gidem subgħajn il-vittma, li spiċċa l-isptst u jeħtieġ operazzjoni.

Il-validità tal-arrest ma ġietx ikkontestata u saret talba għal ħelsien mill-arrest.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat, billi semmiet is-severità tal-każ u l-fatt li l-vittma kienet għadha trid tixhed. L-avukat tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini żied jgħid li n-nuqqas ta’ fiduċja ta’ Agius kien evidenzjat mill-akkużi ta’ reċidiv u ksur tal-libertà kondizzjonali.

L-avukat tad-difiża Marcus Ciantar wieġeb li l-klijent tiegħu kien lest li jobdi kwalunkwe kundizzjoni imposta mill-qorti u li l-probabilita'  ta’ kuntatt bejn Agius u l-allegat vittma ma kinux realistiċi minħabba li dan kien l-isptar.

Il-ħelsien mill-arrest ġie miċħud u Agius inżamm arrestat.

L-avukat tal-Avukat Ġenerali Godwin Cini u l-ispettur Gabrial Kitcher mexxew il-prosekuzzjoni.

L-avukat Marcus Ciantar assista lill-akkużat.

L-avukat Ana Thomas dehret għall-vittma.

More in Qrati u Pulizija